Thursday, March 28, 2024

SONDAĠĠ INKORAĠĠANTI

Aqra wkoll

Bħal-lum ġimgħa IT-TORĊA ppubblikat stħarrig ikkummissjonat minn Dr. Vince Marmara li lkoll nafu kemm ikun preċiż fis-sondaġġi u għalkemm xorta waħda l-prova vera tkun fl-elezzjoni ġenerali, dawn is-surveys ituna ndikazzjoni ta’ fejn qiegħed iħabbat il-polz tal-poplu.

Bla dubju ta’ xejn, wieħed mill-ewwel jagħraf li l-poplu Malti qiegħed jirrikonoxxi l-ħidma li dan il-Gvern qiegħed iwettaq. Ħidma li ma taqta xejn sabiex noffru l-aqwa politika għall-pajjiżna. Fiż-żmien meta konna maqtugħin minn xulxin, bid-distanza soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, bil-ħidma għaqlija tiegħu rnexxielu jżomm kuntatt mal-poplu. Kuntatt li għalkemm ma setgħax jagħmlu b’mod fiżiku ħoloq diversi skemi biex iwieżen lill-familja Maltin u Għawdxin. Il-Prim Ministru ħa deċiżjonijiet fi żmien kritiku meta d-dinja ħadet daqqa kbira ekonomikament u anke soċjalment, imma li llum qegħdin naraw il-frott tagħhom. Dan il-Gvern ħaseb fl-immedjat biex jaffaċċja l-problema tal-pandemija imma fl-istess waqt baqa’ għaddej bil-ħidma l-oħra simultanjament. Dan huwa l-impenn ta’ dan il-Gvern. Ir-riżultati ma jiġux mix-xejn jew b’kumbinazzjoni, imma bid-deċizjonijiet għaqlin u b’hidma holistika li flimkien jibnu l-viżjoni tal-Prim Ministru.

Proprju għalhekk il-poplu wieġeb b’maġġoranza qawwija fis-sondaġġ ta’ nhar il-Ħadd li għadda. Il-Partit Laburista sar l-għażla naturali ta’ dan il-pajjiż. Huwa biss Gvern Laburista li jġib is-serħan il-moħħ. Il-poplu jaf li b’Robert Abela fit-tmun, ser isibu hemm meta l-aktar li jkollu bżonnu. Dan wettqu fi żmien il-maltemp u allura l-poplu jinsab b’aktar ottimiżmu jistenna futur isbaħ u aħjar meta d-dinja terġa’ tistejqer u tħalli l-għawġ tal-pandemija warajha bħala storja li grat. Il-poplu jinsab grat ta’ dak kollu li sar biex ġew salvati n-negozji u l-eluf ta’ mpjiegi. 

Min naha l-oħra kif diġa spjegajt, dan il-Gvern ma waqafx mal-pandemija biss imma baqa’ għaddej b’ħidma iktar usa li tolqot il-faxex kollha tas-soċjetà. Waqt il-pandemija il-proġetti nfrastrutturali baqgħu għaddejjin. Sar ħafna xogħol fil-qasam tal-enerġija u llum qegħdin inħarsu iktar lejn ambjent aħdar u nadif. Saru riformi kbar fil-qasam tal-housing u qegħdin jinbnew units sabiex jitqassmu lil min verament għandu bżonn. Fil-frattemp ħadna ħsieb il-fora internazzjonali u ħdimna fuq il-governanza tajba li ġiet rikonoxxuta mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen.

Il-Partit Laburista baqa’ jaħdem biex filwaqt li qiegħed fil-Gvern jiġġedded u joffri politika għan-nies. Irnexxielu jaħdem b’mod separat mill-Gvern imma li finalment isostni l-ħidma tal-Gvern b’politika aġġornata għaż-żmenijiet ta’ llum. Ftit xhur ilu saru żewġ eżerċizzji ta’ konsultazzjoni biex smajna ħafna mingħand in-nies u l-korpi kostitwiti sabiex imbagħad inkunu nistgħu noħolqu l-politika li dan il-pajjiż għandu bżonn għaż-żmien li ġej. 

Il-Partit Laburista mbarka fuq il-proġett tal-mitt idea fejn flimkien analizzajna kull settur u faxxa fis-soċjetà biex ħriġna bi proposti konkreti li għandhom jiġu mplimentati mill-Gvern. Fl-istess waqt kienet għaddejja konsultazzjoni oħra biex jiġi mfassal il-budget għas-sena d-dieħla. Rajna l-aktar budget soċjali fl-istorja ta’ pajjiżna li ħa ħsieb lill-bniedem bħala l-qofol u ċ-ċentru ta’ kollox. Budget li ħa ħsieb l-aspetti kollha tal-ħajja minn meta titwieled tarbija sal-anzjani.

F’dan il-mument l-isfidi dawwarnihom f’opportunità biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘lquddiem. Dan qiegħed ngħidu bil-fatti meta rajna iktar negozji li jespandu l-attività tagħhom, filwaqt li oħrajn ġodda nvestew għax emmnu li f’Malta hawn futur pożittiv. L-istatistika ukoll uriet dan meta rreġistrajna l-iktar rata baxxa ta’ qgħad. 

Fuq in-naħa l-oħra mbagħad, għandna oppożizzjoni li tgħix fid-dlam, ‘lbogħod mir-realtà li qegħdin jeserjenzaw in-nies. Politika negattiva u ta’ qtiegħ il-qalb. Espononenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista bil-Kap innifsu ma jemmnux fil-kapacità tal-poplu tagħna u minflok ituh il-kuragg billi joffru politika alternattiva, jinfexxew jattakaw lill-Gvern bla sustanza ta’ xejn. Qabel sar dan is-sondaġġ ta’ nhar il-Hadd, Dr. Bernard Grech talab lil kulħadd biex jivvota kontra l-budget. Ir-risposta ħadha mill-ewwel f’dan is-survey bin-numri juru li l-Partit Nazzjonalista taħt Bernarad Grech sejjer ħażin ħafna u agħar milli kien fl-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Filfatt,  il-Partit Laburista jikseb il-fiduċja ta’ 56.7% tal-elettorat u għandu vantaġġ ta’ 15.0% fuq il-Partit Nazzjonalista li f’termini ta’ voti juri li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb maġġoranza ta’ madwar 46,000 vot. Punt iehor li laqgħatni kien li iktar minn 4 fil-mija tal-partitarji Nazzjonalisti ukoll qegħdin jagħżlu lill-Partit Laburista bħala l-għażla naturali tagħhom.

Dan juri li l-partitarji Nazzjonalisti għadhom bl-istess rabja u diżaprovazzjoni lejn l-establishment li jrid jikkontrolla lill-istess partit. Ma ninsewx li l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista kienu elġġew b’mod demokratiku lill-Adrian Delia li kien ħareġ bl-idea tiegħu tan-’new way’ Delia kien propona stil differenti milli ssoltu jaddottaw il-PN. Huwa kien irrimarka li n-negattivita u l-mibegħda mhu se twassal imkien u għalhekk riedu jibdlu l-istil tal-politika taghom. Però, kif tafu ma tantx dam għax proprju minħabba sondaġġ ħażin li kien ħareġ dak iż-żmien fejn wera li l-Partit Laburista kien qiegħed igawdi vantaġġ fuq l-oppożizzjoni, raw kif għamlu u warrbuh.

Il-mistoqsija tqum waħedha. Ser jerġgħu jagħmlu l-istess ħaġa lil Bernard Grech jew issa li reġgħu ħadu l-kontroll tal-Partit f’idejhom qisu xejn mhu xejn? Frankament, mhux fl-interess tiegħi x’jagħmlu imma bilfors nosserva li n-Nazzjonalisti jieħdu d-deċiżjonijiet kif jaqbel lilhom wara li jimmanipulaw is-sitwazzjoni u jdawwruha ghall-vantaġġ tagħhom.

L-interess tiegħi u ta’ sħabi huwa wieħed ċar ħafna. Dak li nibqgħu magħqudin flimkien wara l-Prim Ministru Robert Abela sabiex nagħmlu minn Malta pajjiż aħjar, fejn inkattru l-ġid li jinħass fil-faxxex kollha tas-soċjetà u nassiguraw li ntejbu l-kwalità tal-għixien. Irridu li jkollna soċjetà ġusta, b’ambjent sostenibbli, u ngħinu lil min l-iktar huwa batut. Irridu naħdmu id f’id man-negozji tagħna biex ikabbru l-ekonomija u joħolqu iktar opportunitajiet ta’ mpjiegi b’salarji u kundizzjonijiet tajbin. Irridu li b’ħidma holistika nagħtu futur liż-żgħażagħ taghna billi ngħinuhom itejjbu l-ħiliet tagħhom kemm mil-latt akkademiku biex ikollhom karriera u anke f’ħiliet oħra bħall-arti u sports. Flimkien, se nkomplu nagħtu ġieħ lill-anzjani tagħna billi nwensuhom b’diversi skemi u penzjonijiet aħjar li sena wara ohra kien Gvern Laburista li tahom iż-żieda. 

Din hija Malta li rridu naraw. Pajjiż ċkejken imma bi standards għoljin li nħabbtuha mal-pajjiżi l-kbar. L-idea li Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa u l-aqwa fid-dinja mhumiex biss ħolma imma diġa bdejna nġibu riżultati. Għandna viżjoni. Nafu fejn irridu naslu u nwasslu l’dan il-pajjiż.

Għalhekk is-sondaġġi juri l-appoġġ lejn il-Partit Laburista. Għalhekk il-poplu Malti grat lejn Robert Abela, għax japprezza l-ħidma kollha li qed issir u qiegħed jesperjenza kwalità ta’ ħajja aħjar.

Is-sodisfazzjon tagħna huwa li naħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna u l-Maltin u l-Għawdxin kollha. Dan huwa Team Malta. Flimkien negħlbu kull sfida u nħarsu ‘lquddiem lejn ġejjieni sabiħ b’Robert Abela l-Prim Ministru tagħna!!

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Ekonomija

Sport