Bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha għall-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart, WasteServ għada kemm ippublikat sejħa għall-offerti ġdida għad-disinn u l-bini ta’ Skip Management Facility.
B’ investiment ta’ madwar €17-il miljun, din il-faċilità se tkun qegħda tipproċessa skart imħallat li se jidħol permezz ta’ skips kbar li jintużaw f’ xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni ta’ residenzi kif ukoll f’proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ skala żgħira.
Mgħammar bl-linja awtomatizzata, dan l-impjant se jkollu wkoll dirgħajn robotiċi li kapaċi jidentifikaw u jisseparaw flussi differenti ta’ skart. Dawn is-sistemi robotiċi se jiżguraw li materjal bħall-injam, biċċiet tal-metall, u materjali oħra li għadhom tajba jkunu jistgħu jiġu rkuprati b’ mod effiċjenti. Ladarba jiġu rkuprati, dawn il-materjali mbagħad jintbagħtu għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ, jew għall-esportazzjoni.
“Din il-faċilità tirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fil-missjoni tagħna li nnaqqsu mill-iskart li jispiċċa fil-miżbla u li nirkupraw iktar riżorsi siewja,” qal Richard Bilocca, l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ. “B’ kapaċità li tipproċessa 47,000 tunnellata ta’ skart fis-sena, din il-faċilità se tkun qed tinbena b’mod innovattiv mingħajr ma tittieħed iktar art biex b’hekk nużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi disponibbli filwaqt li nuru l-impenn tagħna lejn il-ġestjoni sostenibbli tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari.”
Filfatt dan l-impjant se jkun qed jinbena mingħajr il-ħtieġa li tittieħed iktar art, peress li se jinbena b’mod innovattiv bejn żewġ miżbliet, dik tal-Magħtab li illum tinsab magħluqa u l-engineered landfill tal-Għallis. Ix-xogħlijiet preliminari biex jinħoloq dan l-ispazju li se jservi bħala pjattaforma biex tkun tista’ tinbena diġà tlestew permezz ta’ sejħa għall-offerti separata u ġew ukoll iċċertifikati.
Din il-faċilità se jkollha rwol importanti sabiex jitnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-miżbla biex tkun tista’ tiġi ġestita b’mod iktar effiċjenti filwaqt li se tkun qed tikkontribwixxi b’mod pożittiv biex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul fis-settur tal-iskart u l-miri nazzjonali tar-riċiklaġġ.
WasteServ tistieden lill-offerenti interessati kollha biex jipparteċipaw billi jissottomettu l-offerti tagħhom sas-16 ta’ Lulju 2025.