Tuesday, April 23, 2024

Waterpolo: San Ġiljan fil-finali tal-Premier

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

San Ġiljan………. 14

Sirens…………… 12

(3-3, 7-2, 2-1, 2-6)

San Ġiljan għelbu l-isfida ta’ Sirens bl-iskor ta’ 14-12 u b’hekk kisbu post fil-finali tal-Premier fejn se jkunu qed jaffrontaw jew lil Neptunes jew lil Sliema.

Huma kisbu l-passaġġ għal din il-finali minħabba li fil-kampjonat temmew fi pjazzament aħjar mit-team minn San Pawl il-Baħar, u għalhekk din il-play-off tas-semi-finali kienet waħda deċisiva.

Għall-kronaka, li kieku l-partita kellha tintemm fit-tielet sessjoni, wieħed seta’ jgħid li din kienet tkun reb­ħa faċli għall-Ġiljaniżi, iżda Sirens wettqu reazzjoni mill-aqwa fl-aħħar sessjoni fejn rebħuha b’vantaġġ ta’ erba’ goals, liema reazzjoni iżda waslet tard wisq għalihom fil-partita.

Għall-Ġiljaniżi spikka ferm il-captain Matthew Zammit li rreġistra poker personali, għalkemm kel­lhom logħba tajba wkoll Andreas Galea u Nikolai Zammit li wkoll skorjaw erba’ goals.

Fl-ewwel sessjoni, irrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 3-3, bil-goals għall-Ġiljaniżi jaslu minn Peter Borg, Andreas Galea u Nikolai Zammit ukoll minn penalty. Matthew Sciberras, Isaiah Riolo u Gabriel Melillo wieġbu għal Sirens.

It-tieni sessjoni pproduċiet xejn inqas minn disa’ goals, bil-Ġiljaniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 7-2, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Jake Bonavia minn man-up wara li tkeċċa Matthias Azzopardi, Matthew Zammit (2) bl-ewwel goal għalih jasal ukoll minn sitwazzjoni ta’ raġel iktar wara li reġa’ tkeċċa Matthias Az­zopardi, u Ben Plumpton (2) bit-tieni goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa Isaiah Riolo, Andreas Galea u Nikolai Zammit minn pe­nalty. Jerome Zerafa Gregory u John Naper skorjaw ghal Sirens.

San Ġiljan, immexxija mill-coach Kroat Zeljko Kovacic, rebħu wkoll it-tieni sessjoni din id-darba bl-iskor strett ta’ 2-1, bil-goals għalihom jaslu minn Nikolai Zammit minn penalty u Matthew Zammit.

Jerome Zerafa Gregory skorja l-uniku goal għal Sirens.

Il-partita dehret mirbuħa u mitlufa iżda Sirens wettqu reazzjoni tajba li iżda waslet tard wisq fil-partita u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-2, bl-iskorers għalihom ikunu Ken Erdogan, Gabriel Melillo minn man-up wara li tkeċċa Mattias Ortoleva, Matthias Azzopardi, Matthew Chircop, Isaiah Riolo u Ken Erdogan (2) bit-tieni goal għalih jasal minn pe­nalty.

Andreas Galea u Matthew Zammit skorjaw iż-żewġ goals ta’ San Ġiljan.

San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Peter Borg (1), 3-And­reas Galea (3), 4-Nico Schiavone, 5-Russell Caruana, 6-Matthew Zammit (4), 7-Ben Plumpton (2), 8-Daniel Tully, 9-Jake Bonavia (1), 10-Nikolai Zammit (3), 11-Darren Zammit, 12-Nicholas Bugelli, 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva, 15-Nathan Bonavia – Coach: Zeljko Kovacic

Sirens: 1-Thomas Micallef, 2-Paul Serracino, 3-Ken Erdogan (2), 4-Jacob Sciberras, 5-Jerome Zerafa Gregory (2), 6-Ganni Farrugia, 7-Matthew Chircop (1), 8-Isaiah Riolo (2), 9-John Napier (1), 10-Mikhael Cutajar, 11-Matthew Sciberras (1), 12-Matthias Azzopardi (1), 13-Matthew Bonello, 14-Gabriel Melillo (2), 15-Kydon Agius Dupuis – Coach: Marko Orlovic

Referees: Ronnie Spiteri, Massimiliano Sponza

Sport