Sliema ASC, San Ġiljan u Neptunes WPSC se jirrappreżentaw lil Malta fl-edizzjoni ta’ dan l-istaġun tal-European Aquatics Challenger Cup, wara li nhar it-Tnejn sar it-tlugħ tal-poloz għal din il-kompetizzjoni kontinentali tal-klabbs.
Neptunes u Sliema telgħu fl-istess grupp, Grupp C, filwaqt li San Ġiljan telgħu fi Grupp A.
Minbarra lil xulxin, Neptunes u Sliema se jaffrontaw lit-tim Sloven AVK Maribor u lit-tim Iżraelit Hapoel Gavit Haim fil-Grupp Ċ.
It-turnew ta’ kwalifikazzjoni se jsir fis-Slovenja, bit-tim ta’ Maribor se jkun dak ospitant.
Min-naħa tagħhom, San Ġiljan telgħu fi Grupp A flimkien mat-tim Litwan EVK Zaibas, Paredes Polo Aquatico tal-Portugall, u t-tim Bulgaru KVT Cherno More.
It-turnew se jsir f’Malta bejn l-20 u t-22 ta’ Novembru.
Għal Sliema u San Ġiljan, din mhux se tkun l-ewwel darba li se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni Ewropea.
Sliema ASC ħadu sehem fit-turnew Ewropew fl-aħħar żewġ edizzjonijiet. Fl-2025, it-tim magħruf bħala ‘l-Blues’ wasal sas-semifinali tal-kompetizzjoni iżda ġie eliminat mit-tim Olandiż Donk.
L-istaġun li għadda, il-Blues reġgħu ħadu sehem fil-kompetizzjoni u rnexxielhom jirbħu midalja storika tal-bronż wara li spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika ġenerali.
San Ġiljan ukoll ħadu sehem fil-kompetizzjoni tal-istaġun li għadda, fejn spiċċaw fil-ħames post tal-klassifika ġenerali.
Min-naħa l-oħra, din se tkun l-ewwel darba li Neptunes se jikkompetu f’dan it-turnew kontinentali.




