Tuesday, April 23, 2024

Wieħed minn żewġ Somali mixlija li sawtu Indjan b’martell jargumenta li ħaqqu l-ħelsien

Aqra wkoll

Żewġ Somali tressqu b’arrest quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia mixlija li fis-sigħat bikrin tal-10 ta’ Jannar, wettqu serqa minn fuq persuna fi Triq Diċembru Tlettax, fil-Marsa, li żammewh kontra r-rieda tiegħu u li weġġgħuh ħafif.

Filwaqt li kien hemm qbil li Mohamoud Afi Abdiwali ta’ 25 sena u Abdulkadir Ahmed Mohammed ta’ 41 sena jingħataw l-assistenza pprovduta mill-Avukat tal-Għajnuna Legali, Ahmed Mohammed qal li ma kellux bżonn assistenza. Minkejja dan, il-Qorti xorta pprovdiet din l-għajnuna legali biex tkun assigurata l-korrettezza tal-proċedura fil-Qorti. 

Il-Prosekuzzjoni qalet li Akhil George, li huwa Indjan, qala’ daqqiet b’martell waqt li kien qiegħed fuq stazzjon tal-linja. Il-Pulizija analizzat filmati minn kameras tas-sigurtà fiż-żona u minn hemm setgħu jinħarġu ritratti biex setgħu jiġu identifikati l-akkużati. Żiedet tgħid kif iż-żewġ imputati nstabu sigħat wara r-reat lebsin l-istess ħwejjeġ. Intqal ukoll li fix-xhieda tagħhom iż-żewġ imputati kkonfermaw li huma kienu fuq il-post meta seħħ ir-reat iżda li ħarbu minħabba li qamet kommossjoni.

F’dan l-istadju d-Difiża ta’ Afi Abdiwali ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tiegħu filwaqt li Ahmed Mohammed talab għall-ħelsien mill-arrest minkejja li ma riedx jikkomunika mal-avukat pprovdut lilu. 

Wara li kkunsidra s-serjetà tal-akkużi, il-fatt li m’għandux rabtiet ma’ Malta u lanqas indirizz fiss kif ukoll ra l-fedina penali tiegħu, il-Maġistrat Farrugia ċaħadlu t-talba.

Sport