Is-Serb, Novak Djokovic, beda l-impenji tiegħu ta’ Wimbledon b’rebħa meta għeleb lil Vit Kopriva tar-Repubblika Ċeka, 6-1 6-2 6-2.
Din kienet l-ewwel logħba tiegħu mindu ġie operat f’irkopptu, fil-5 ta’ Ġunju li għadda. Huwa sofra injury fil-meniscus fir-rebħa ta’ 3-2 fuq l-Arġentin, Francisco Cerundolo, fil-French Open biex kellu jirtira mit-tournament.
Fil-veritá, huwa ma kienx fil-forma solita tiegħu iżda ma ħass l-ebda fastidju jew uġieħ. Madankollu, it-tennista ta’ 37 sena, kien kapaċi biżżejjed biex ikkwalifika għat-tieni round.
*Il-Britanniku, Andy Murray, iddeċieda li ma jilgħabx fis-singles ta’ Wimbledon, iżda minflok ta l-addio lill-All England Club fid-doubles flimkien ma’ ħuh il-kbir, Jamie.
Murray, li qed jippjana li jirtira aktar tard din is-sena, ġie operat f’dahru għaxart ijiem ilu.
Il-tennista ta’ 37 sena, li rebaħ Wimbledon fl-2013 u l-2016, ilbieraħ kellu jilgħab kontra Tomas Machac tar-Repubblika Ċeka fuq is-Center Court.
L-eks numru wieħed tad-dinja kellu ċesta qrib is-sinsla tad-dahar imneħħija minħabba li kienet qed tikkawża uġigħ fin-nervituri f’riġlu tal-lemin.
“Sfortunatament, minkejja li ħadem b’mod inkredibbli fuq l-irkupru mill-operazzjoni tiegħu ftit aktar minn ġimgħa ilu, Andy ħa d-deċiżjoni diffiċli ħafna li ma jilgħabx is-singles din is-sena,” qal it-team ta’ Murray fi stqarrija.
Huwa kien qed jimmira li jilgħab is-16-il tournament personali ta’ Wimbledon.
*Fil-kategorija tan-Nisa, iċ-champion renjanti, Marketa Vondrousova, sfat eliminata fl-ewwel round mill-Ispanjola, Jessica Bouzas Maneiro.
Iċ-Ċeka saret l-ewwel player mhux seeded li rebħet it-trofew tas-singles tan-nisa meta għelbet lil Ons Jabeur fil-finali tas-sena l-oħra.
Iżda Vondrousova kkommettiet bosta żbalji, tant, li kellha tbaxxi rasha għal Maneiro, 6-4 6-2, li hija rrankjata fit-83 minuta.
In-numru ħamsa tad-dinja, l-Amerikana, Jessica Pegula, għaddiet għat-tieni round meta għelbet lill-kompatrijotta tagħha, Ashlyn Krueger, liema logħba damet 49 minuti.
Pegula warrbet l-isfida ta’ Krueger, 20 sena, 6-2 6-0, biex aċċertat ir-rebħa qabel ma x-xita waqqfet il-logħob fil-courts ta’ barra.
Il-ħames seed, li rebħet l-ewwel WTA Tour grass-court f’Berlin ix-xahar li għadda, qatt ma avvanzat lil hinn mill-kwarti tal-finali fi Grand Slam.
Issa hija se tiffaċċja liċ-Ċiniża Wang Xinyu jew lill-Bulgarija Viktoriya Tomova.
Il-Britannika, Emma Raducanu, għelbet lill-Messikana Renata Zarazua, 7-6 (7-0) 6-3, minkejja li ma kinitx fl-aqwa forma tagħha.
Peró, hija sostniet li ma kienx jimporta li ma lagħbitx tajjeb iżda l-importanti kien li kompliet tavvanza f’dan it-tournament.
Is-sena l-oħra, hija kellha tirtira minħabba li sofriet injury fit-tul u damet biex tirkupra.
Il-Brittanika ta’ 21 sena, li tilfet it-tournament tas-sena l-oħra minħabba injury, kisbet rebħa ta’ 7-6 (7-0) 6-3.
“Kont nervuża u naħseb li kulħadd seta’ jara dan. Iżda fl-aħħar mill-aħħar kuntenta ħafna li se nilgħab fit-tieni round,” qalet il-135 seed li ngħatat wildcard biex tilgħab f’dan it-tournament.