Sunday, December 22, 2024

Wimbledon: Rublev u Sinner fil-kwarti-finali

Aqra wkoll

Ir-Russu Andriy Rublev u t-Taljan Jannik Sinner għaddew għall-kwarti-finali tat- tournament ta’ Wimbledon iżda l-Kanadiż Denis Shapovalov ġie eliminat b’sorpriża.

Rublev iltaqa’ kontra Alexander Bublik tal-Kazakhstan li twieled fir-Russja u ħareġ rebbieħ f’logħba ta’ ħames sets bil-punteġġ ta’ 7-5 6-3 6-7 (6-8) 6-7 (5-7) 6-4.

Żewġ punti ‘l bogħod mill-glorja, wara li kien qrib fit-tie-break tat-tielet set, u mbagħad fit-tie-break tar-raba’ set, Rublev żvela l-istint tiegħu ta’ goalkeeper hekk kif intefa’ fuq il-lemin, jifrex ir-rakketta u b’xi mod isib forehand rebbieħ.

Il-wirja ta’ Rublev kienet konsistenti ħafna matul il-logħba u għalhekk kien jistħoqqlu post fil-kwarti-finali.

It-Taljan Jannik Sinner għadda għall-aħħar tmienja għat-tieni darba wara l-oħra meta għeleb lill-Kolumbjan Daniel Galan f’sets dritti, 7-6 (7-4) 6-4 6-3 f’logħba missielta fuq Court One.

L-eks finalista f’Wimbledon, it-Taljan Matteo Berrettini kompla bil-forma tajba tiegħu b’rebħa fuq is-seed numru 19, il-Ġermaniż Alexander Zverev bil-punteġġ ta’ 6-3 7-6 (7-2) 7-6 (7-5) minkejja li kien hemm interruzzjoni minħabba x-xita fuq Court One hekk kif kellhom jistennew li jingħalaq is-saqaf waqt it-tieni set wara li kien infetaħ qabel ma bdiet il-logħba.

Il-logħba tat-tielet round bejn is-sitt seed, Holger Rune tad-Danimarka, u l-Ispanjol, Alejandro Davidovich Fokina, damet minuta inqas minn erba’ sigħat meta ġiet deċiżiv b’tie-break fil-ħames set.

Wara li tilef l-ewwel set Rune anke kien 2-1 minn taħt iżda mbagħad kiseb il-pareġġ u fis-set deċiżiv salva żewġ match points biex issiġilla r-rebħa bil-punteġġ ta’ 6-3 4-6 3-6 6-4 7-6 (10-8) f’logħba mill-aktar drammatika.

Davidovich Fokina, ta’ 24 sena, tħalla dispjaċut li falla service ta’ taħt id-driegħ f’dak li żvolġa li kien il-punt ta’ qabel tal-aħħar.

Is-servive ta’ taħt id-driegħ tiegħu, fuq 8-8 fit-tie-break tal-ħames set, ġie osservat minn Rune u mibgħut faċilment biex jagħti match point lid-Daniż, li huwa kkonverta.

Il-Bulgaru seed 21, Grigor Dimitrov, għe­leb lill-Amerikan Frances Tiafoe, seed numru 10, wara li l-logħba ġiet sospiża fit-tielet set nhar is-Sibt b’Dimitrov jillidja 6-2 6-3 1-2.

Finalment kien Dimitrov li rebaħ il-ħames games li saru meta dawwar l-aħħar set minn 2-1 minn taħt għal 6-2 biex issiġilla l-logħba li fiha huwa ipproduċa 13-il aces kontra l-ħamsa ta’ Tiafoe.

L-Amerikana seed numru 4, Jessica Pegula, waslet għall-ewwel kwarti-finali tagħha f’Wimbledon b’wirja dominanti kontra l-Uk­rena Lesia Tsurenko fejn wara li rebħet l-ewwel ħames games kompliet għaddejja għar- rebħa, 6-1 6-3.

B’Wimbledon għadu jirkupra mil-logħob b’lura minħabba x-xita li għamlet matul il-ġimgħa, id-debuttanta ta’ 16-il sena Russa, Mirra Andreeva, rebħet il-logħba tat-tielet round kontra l-kompatrijotta tagħha, Anastasia Potapova, 6-2 7-5.

F’logħba oħra li kienet bejn żewġ Ċeki, kienet Marketa Vondrousova li għelbet lil Marie Bouzkova 2-6 6-4 6-3.

Il-finalista tas-sena l-oħra, it-Tuneżina Ons Jabeur, kellha tissielet lura biex għelbet lill-Kanadiża, Bianca Andreescu, u llum tiltaqa’ kontra ċ-champion darbtejn f’SW19, iċ-Ċeka Petra Kvitova.

Is-seed numru 6, ħarġet rebbieħa 3-6 6-3 6-4 kontra r-rebbieħa tal-US Open fl-2019 wara waqfa twila ta’ kważi sigħa minħabba x-xita fis-Centre Court.

Iċ-champion renjanti, Elena Rybakina, għaddiet għall-Aħħar 16 ukoll wara li għelbet b’mod faċli lil Katie Boulter li kienet l-aħħar player Britannika miż-żewġ kategoriji li sfat eliminata. Rybakina rebħet bil-pun­teġġ ta’ 6-1 6-1 f’57 minuta fejn għal darb’oħra bbażat fuq is-service kbir tagħha.

Is-Sibt għaddiet ukoll l-Amerikana Madison Keys li hija ssidjata fil-25 post li min-naħa tagħha għelbet lil Lesia Kostyruk tal-Ukrajna b’mod faċli wkoll, 6-1 6-3.

Ekonomija

Sport