Tuesday, April 23, 2024

WISQ ORGANIZZAZZJONIJIET

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ilu li wasal iż-żmien biex titqajjem il-mistoqsija dwar jekk fit-tmexxija pubblika hemmx wisq organizzazzjonijiet involuti li minflok iħaffu x-xogħol tal-Gvern qed jagħmluh aktar imħawwad u komplikat.

Bil-pressjonijiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali li nħolqu mal-Indipendenza, kif ġara f inħawi oħra li għaddew mill-istess esperjenza, instab li l-organzzazzjoni li biha kien jitmexxa l-Gvern kellha tikber, titwessa’ u tingħata suriet ġodda. Inkella ma kinitx tlaħħaq ma’ li kellu jsir. Bdew jinħolqu korporazzjonijiet, bordijiet, aġenziji, awtoritajiet, kumitati konsultattivi, kummissarjati u ma nafx xiex aktar.

Issa l-Indipendenza seħħet mas-60 sena ilu. Mhux l-organizzazzjonijiet kollha li tfaqqsu jagħmlu sens, jekk xi darba kienu. Biex inkunu onesti, xi wħud minnhom servew l-aktar biex jipprovdu post imħallas għall-ħbieb.

Kull amministrazzjoni pubblika tgħaddi minn fażi fejn trid tiddiversifika u “tiddifferenzja”, u fażi fejn tiċċentralizza. Fil-qagħda tal-lum, “ftit” aktar ċentralizzazzjoni tagħmel il-ġid.

WARA L-ISKANDLU

Xi kummenti li saru fil-midja internazzjonali dwar l-iskandlu li qam dax-xahar fil-Parlament Ewropew laqtuni aktar minn oħrajn. Fosthom dan: “Il-Parlament Ewropew hu l-aktar istituzzjoni dgħajfa fl-istrutturi Ewropej. Ħafna jqisuh bħala ftit aħjar minn forum għad-diskursati. Madanakollu, xorta waħda, jekk dak li jintqal dwar il-Qatar hu minnu, ġew mobilizzati riżorsi finanzjarji kbar biex il-Parlament jiġi ‘influwenzat’”.

Allura tgħid mhumiex isiru sforzi biex tiġi “influwenzata” istituzzjoni ħafna aktar qawwija – il-Kummissjoni Ewropea? U jekk dawn l-isforzi waslu xi mkien fil-Parlament, għaliex wieħed m’għandux jissuspetta li mxew ‘il quddiem anke fil-Kummissjoni?

Hu argument ta’ sustanza li nimmaġina qed joħloq tħassib fost mexxejja Ewropej lil hinn mill-Parlament.

AWTOKRITIKA

Id-diriġenti tal-Punent, jagħmlu ħafna akkużi u allegazzjonijiet dwar pajjiżi li mhumiex tax-xaqliba tagħhom. U juru wkoll ġieli, skantament, meta pajjiżi oħra “terzi” ma jsegwux u lanqas jidhru li jaqblu mal-pożizzjoni tagħhom.

Fil-verità, fost numru mhux ċkejken ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw… kif ilna nsejħulhom dawn l-aħħar 70 sena u aktar, bosta minnhom eks kolonji … jeżisti xettiċiżmu dwar l-għanijiet tat-tmexxija fil-Punent. Iqisuhom ipokriti, aktar u aktar meta jintużaw (jgħidu huma) kejliet differenti skont xi żmien ikun u skont min qed jitkejjel. Kollox isir biss fl-aqwa interess ekonomiku u politiku tal-Punent, li jinkludi l-aktar pajjiżi materjalment avvanzati u militarment qawwija.

Mhijiex fehma totalment żbaljata, kif uħud iriduna nemmnu. Il-pajjiżi dominanti tal-Punent ma jagħmlux ħażin jekk jindirizzaw doża qawwija ta’ awtokritika lejn l-operat tagħhom biex iqisu fejn dak li jgħidu u jagħmlu mhuwiex u ma jistax jiftiehem “tajjeb”.

Sport