Saturday, December 21, 2024

X’ĦAREĠ MID-DISKORS TA’ BERNARD GRECH ?

Aqra wkoll

Politiku ta’ suċċess huwa dak li jgħid dak li l-poplu qed jaħseb bl-aktar vuċi qawwija. Huwa għalhekk li naqblu ma’ dak li qal dak li xi darba kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Istati Uniti Theodore Roosvelt, li permezz ta’ dak li jgħid politikant, wieħed jirnexxielu jiddistingwi politiku tajjeb minn ieħor. 

F’dan il-kuntest, bla ma rridu, nosservaw ix-xenarju politiku ta’pajjiżna. Mingħajr ma rridu nosservaw dak li qed jagħmel u jgħid il-kap tal-Oppożizzjoni. Nosservaw għax suppost l-istess Bernard Grech huwa l-alternattiva politika għall-Gvern u li teknikament Grech jista jkun elett Prim Ministru ta’ pajjiżna. 

Mingħajra ma rridu nosservaw dak li qal nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament Bernard Grech b’reazzjoni għall-Budget 2025. U hawn nieqfu naħsbu u nistaqsu: X’ħareġ minn diskors ta’ sagħtejn? Fejn hi l-kritika kostruttiva? Fejn huma l-ideat alternattivi ta’ partit li għada jista jkun fil-Gvern?

Tisimgħu u terġa’ tisimgħu biex tipprova ssib sens f’dak li ntqal. Biex tipprova tpinġi viżjoni ta’ min għada l-poplu Malti jaf javda t-tmun ta’ pajjiżna f’idejh. Malajr tinduna iżda li ma ħareġ xejn ta’ soluzzjonijiet u ta’ ideat, anzi smajna attakki li xi sistema jew oħra mhux qed taħdem, jew saħansitra kritika bla sens. 

Ninnutaw kif Grech wassal messaġġi populisti, fejn qal li hu flimkien mal-partit tiegħu se jħabbru pjan. Minkejja dan, wieħed seta jinnota li Grech għamel sagħtejn isemmi n-negattiv u ma ħareġ l-ebda tip ta’ proposti, proposti li suppost ħarġu fil-pubbliku permezz tad-dokument ta’qabel il-Budget. Ninnutaw kif il-PN lanqas dan ma rnexxielu joħroġ, hekk kif il-proposti ta’ Grech ma ntlaqawx tajjeb minn sħabu, għax kienu huma stess li qalulu li ‘this needs more work’.

Dan m’aħniex ngħiduh aħna biss, iżda anke l-Prim Ministru Robert Abela f’kumment qasir li ta lill-midja wara r-replika tal-Budget tal-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn iddeskriva d-diskors ta’ Bernard Grech bħala wieħed “bla beef”. Ninnutaw kif il-PM stqarr kif Grech tkellem iktar dwar kif ikun Prim Ministru mingħajr ma ressaq ebda idea u proposti ‘l quddiem għall-pajjiż. 

Meta nħarsu lejn dan kollu, ngħidu li huwa ta’ niket għax dal-pajjiż jistħoqqlu Oppożizzjoni denja u aħjar. Dal-pajjiz jistħoqqlu alternattiva aħjar. Dan għaliex kull demokrazija teżiġi hekk. Fuq kollox, dan il-pajjiż jistħoqqlu Oppożizzjoni li għandha l-polz ta’ dak li qed jiġri, u toffri soluzzjonijiet u mhux duħħan.

Peró, wara li wieħed jiżen dak li ġara b’mod ċar fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda jifhem li Bernard Grech għadu mhux biss ‘l boghod minn dan… imma ħafna u ħafna l-bogħod.

Ekonomija

Sport