Xjenzati li wettqu studju qalu li jekk inti raġel u tbati minn pressjoni għolja jew tixtieq li ma tibdix tbati minn din il-kundizzjoni għandek tmur torqod fil-11pm.
Rigward in-nisa, il-ħin perfett biex jorqdu għandu jkun nofsillejl u b’hekk ikunu qegħdin jevitaw pressjoni għolja.
Fir-riċerka li saret fl-Università Ċiniża ta’ Hengyang ġew investigati aktar minn 14-il elf raġel u mara. Instab li dawk kollha li jżommu l-istess ħin biex imorru jorqdu għandhom riskju ferm inqas milli jibdew ibatu minn problemi f’qalbhom.
Fl-istess riċerka nstab li dawk kollha li jmorru jorqdu kmieni għandhom riskju ferm akbar minn oħrajn li jkollhom pressjoni għolja li tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet oħrajn f’ħajjithom.
Fir-Renju Unit wieħed minn kull ħames adulti jsofru minn pressjoni għolja u għalhekk għandhom riskji kbar li jkollhom attakki tal-qalb jew puplesija.
Ir-riċerka ġiet ippubblikata fil-ġurnal Postgraduate Medicine fejn tista’ tgħin lit-tobba biex jagħtu pariri lill-pazjenti tagħhom kif għandhom jikkontrollaw il-pressjoni għolja.
Jekk persuna tbiddel ħafna l-ħinijiet li torqod tista’ tikkawża stress mentali u anke problemi fil-qalb.