Wednesday, April 24, 2024

X’ifissru 50,000 vot?

Aqra wkoll

Jikteb il-kandidat Laburista Chris Bonnett

F’dan l-aħħar ġimgħat assistejna għal diversi sondaġġi ppublikati minn ġurnali li joħorġu nhar ta’ Ħadd, bħal ma ħarġet din il-gazzetta it-Torċa. Sondaġġi li saru f’mumenti differenti fejn il-parteċipanti wieġbu għall-mistoqsijiet relatati ma’ min se jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja, kif ukoll lejn min għandhom l-iktar fiduċja bejn Bernard Grech u l-Prim MInistru Robert Abela.

Ir-riżultati ta’ dawn is-sondaġġi taw indikazzjoni ċara u xjentifika li l-maġġoranza estravaganti tal-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista u iktar lill-Prim Ministru Robert Abela. Filfatt id-distakk ivarja bejn erbgħin elf u ħamsin elf meta mqabbla l-partiti u vantaġġ iktar qawwi ta’ kważi d-doppju fejn jidħlu l-Mexxejja taż-żewġ Partiti.

U allura l-mistoqsija tigi waħedha: x’ifisser dan kollu?

Għall-Partit Nazzjonalista, dawn is-surveys fissru li l-poplu mhux jifhem lilhom. Agħar minnek Hermann Schiavone qalilna li l-poplu m’għażilhomx għax moħħu fil-Euro u minħabba l-aħbarijiet tat-TVM. Nibqa’ mbellaħ b’dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet għax meta suppost għandek oppożizzjoni li taspira li tieħu l-Gvern fiż-żmien li ġej, suppost, ma teħux din il-linja ta’ ħsieb. Minflok, iduru dawra fihom infushom u jagħrfu għax l-poplu qiegħed jirriġettahom isibu l-eħfef triq li jippontaw subagħajhom lejn il-poplu u jwaħħlu fih. Kif tista’ qatt tkun partit relevanti meta inti stess tħaġġar lill-poplu tiegħek?

Il-Partit Nazzjonalista ilu minn meta l-poplu sfiduċjah, ikun negattiv u jwaħħal fil-Maltin u Għawdxin li m’humiex jifhmuh. Qatt ma tgħaddilhom minn moħħhom li huma l-ħażin u li ħlew leġislatura sħiħa jilagħbu l-musical chairs biex isibu Kap, u Segretarju, u Uffiċjali, u Membri fl-Ezekuttiv, u Strateġista etc. etc. Il-verità hi li l-poplu qiegħed jarahom wisq mifrudin u moħħhom fihom infushom. Mhux jindunaw li ilhom leġiżlatura sħiħa u għadhom mhumiex joffru proposti u pjan ta’ ħidma sabiex joffru possibilità ta’ Gvern alternattiv. Lanqas esponenti fl-għola karigi fil-PN ma jafu verament fejn iridu jieħdu lil Malta tagħna. Dan rajnieh bil-fatti meta fi żmien il-pandemija il-PN ħoloq kumitat t’azzjoni apposta u l-unika dikjarazzjoni fattibli li ħareġ kien li mhux se jkun hawn biżżejjed vaċċin għal kulħadd. Il-bqija kliem vag li fattwalment ma jfisser xejn ħlief qtiegħ il-qalb. Anke, hawnhekk naqqsu l-kredibilità tagħhom mal-poplu għax dak li qalu ma rriżultax u Malta spiċċat l-ewwel pajjiż fid-dinja li laħaq il-herd immunity. 

Biex tkompli tgħaxxaq bħalissa ġol-PN qed jirrenja l-paniku. Dil-ġimgħa kont qiegħed nsegwi program fuq Net fm, (fil-karozza jien u sejjer l-home visits) u ħlief għajjat li l-poplu mhux jifhem u sabiex il-poplu ma jaqtax qalbu ma smajtx. Sinjorina mistiedna  qalet li Malta issa għandna d-dejn u allura l-poplu jrid jagħti fiduċja lill-PN u ċertu wieħed Noel qalilna li l-poplu jrid jivvota PN għax aħna l-Laburisti ma nafux niggvernaw. Meta tisma’ dal-kliem tinduna u tifhem aħjar x’ifissru l-ħamsin elf vot. Tinduna li dan huwa diskors għall-gallarija imma meta tgħasru ma jfisser xejn.

Imbagħad rajna lil Viċi Kap David Agius jehodha kontra l-preżentatur Karl Bonaċi u attakkah Laburist. Tajba wkoll! Mela tkun mistieden fi programm u għax il-preżentatur jistaqsik mistoqsija li iebsa jew li forsi ma togħgbokx, tinfexx f’attakk kontrih. Fuq kollox toħroġ l-arroganza klassista li għax tkun Laburist qiesu xi diżunur. Nieħu l-okkażjoni biex nuri solidarjetà mas-Sur Bonaci li personalment naf li jagħmel biċċa xogħol tajba meta jistieden personalitajiet minn oqsma differenti u jistaqsi b’mod ħafif, eżatt kif jitkellmu n-nies. 

Min naħa l-oħra mbagħad, aħna l-oppost. Għalkemm aħna fil-Gvern u napprezzaw ħafna il-fiduċja li l-poplu qiegħed jagħtina kull meta jiġi mistoqsi, aħna qegħdin dejjem b’saqgħajna mal-art, b’umiltà naħdmu id f’id mal-Mexxej tagħna Robert Abela sabiex noffru politika li tagħmel sens. Qegħdin nisimgħu ħafna lin-nies imma mbagħad naġixxu. Propju, ftit tal-jiem ilu nidejna l-Mitt Idea tal-Partit Laburista, li l-għan ta’ dan il-proġett kien li nagħmlu ġabra ta’ proposti kif nemmnu li għandna nmexxu biex kull faxxa tas-soċjetà niggarantulha livell għoli minn dak li għandna llum.

Din għandha tkun il-politika vera. Aħna bħala Partit naħdmu bis-sħiħ biex il-poplu jifhimna. Jifhimna għax nitkellmu bil-lingwa tiegħu u għax bid-deċiżjonijiet tagħna nbiddlu u nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Flimkien qegħdin noħolqu politika soċjalista’ li tagħraf tgħin liż-żgħir u lil batut. Fl-istess waqt ukoll nagħtu sostenn lin-negozjanti ħalli nkabbru l-ekonomija u nissalvagwardjaw lill-ħaddiema. Mbagħad ngħinu lill-persuni b’diżabilita’ b’aktar minn erba’ t’elef jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Nistinkaw kontinwament biex niġġieldu l-faqar u nwieżnu familja b’għajnuniet u skemi differenti fosthom fil-housing soċjali. Liż-żagħżagħ naraw li jingħataw edukazzjoni xierqa u li jkollhom opportunitajiet biżżejjed fil-futur. Ninvestu fil-faċilitajiet sportivi biex l-atleti tagħna jingħataw taħriġ tal-għola livell. Insaħħu l-kultura tagħna u nassistu għaqdiet non-governattivi permezz ta’ skemi biex ngħinuhom ikomplu bil-ħidma tagħhom fil-lokalitajiet. 

Lista li ma tispiċċa qatt. Propju għalhekk il-poplu qiegħed jafda lil Robert Abela u lil Partit Laburista għax urejna li kapaċi niggvernaw. Aħna kommessi li naħdmu u noffru politika holistika li minnha jibbenefika l-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Sport