Wednesday, April 24, 2024

Fit-Turkija: Għexieren ta’ turisti evakwati minħabba n-nirien

Aqra wkoll

Għadd ta’ turisti kellhom jiġu evakwati minn bajjiet fil-Lbiċ tat-Turkija wara li n-nirien komplew jintensifikaw u jheddu għadd ta’ residenzi u lukandi li hemm fil-madwar. 

Bastimenti tal-gwardji tal-kosta tat-Turkija – megħjuna minn dgħajjes u jottijiet privati – kienu mibgħuta fiż-żoni milquta biex jgħinu lit-turisti jiġu evakwati. Is-sitwazzjoni hija waħda prekarja ħafna tant li kien irrapportat li fil-belt ta’ Bodrum, tliet lukandi ta’ ħames stilel kellhom jiġu evakwati. In-nirien inkwistjoni ilhom jaqbdu minn nhar l-Erbgħa li għaddiet u s’issa sfortunatament sitt persuni tilfu ħajjithom.

B’kollox hemm kważi 100 każ ta’ nar differenti, li fil-maġġoranza tagħhom jinsabu qrib żoni turistiċi u jikkumbattuhom hemm eluf ta’ pumpiera. L-uffiċjali tal-pajjiż qalu li s’issa kienu biss 10 każi ta’ nirien li nġiebu taħt kontroll. 

Fl-aħħar jiem kien irrapportat li persuna ġiet arrestata wara li allegatament bdiet xi nirien. Fid-dawl ta’ dan, l-investigaturi jinsabu għaddejjin b’investigazzjoni biex ikun magħruf jekk it-tali nirien tqabbdux apposta. 

Min-naħa tiegħu l-President tal-pajjiż Recep Tayyip Erdogan fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet żar il-belt ta’ Manavgat fejn ħames persuni tilfu ħajjithom f’dawn in-nirien. Erdogan wiegħed li l-gvern tiegħu se jkun qiegħed jagħmel minn kollox biex jgħin lill-persuni milquta. Jassistu lill-pumpiera tat-Turkija hemm ajruplani mill-Ażerbajġan, l-Iran, ir-Russja u anke l-Ukrajna. 

Sport