Sunday, November 24, 2024

X’PAĊI HI DIN? 

Aqra wkoll

Il-Knisja Kattolika, fl-ewwel jum ta’ din is-sena, iċċelebrat l-Jum Dinji tal-Paċi u l-Ġnus Magħquda tiċċelebrah f’Settembru. Iżda, f’xenarju fejn għandna żewġ gwerer serji għaddejjin, it-theżżiż li l-bniedem ħa fil-Gwerer Dinjin u f’attakki terroristiċi kbar bħalma kien dak tan-9/11 fi New York, ma kienux biżżejjed. Dan għax xorta waħda għadu ma tgħallimx mill-iżbalji li saru. Għadu ma tgħallimx kif jgħix fil-paċi. 

Il-bniedem qisu maħluq biex jiġġieled, biex joħloq konflitti u biex jeqred bil-gwerer. Fid-dinja moderna tal-lum, l-idea li tirrenja l-paċi saret qisha biss ħolma u mira mhux realistika. Almenu, minn dak li naraw, hekk inħossu.

Fl-aħħar tax-xahar id-dieħel il-gwerra fl-Ukrajna tidħol fit-tieni sena tagħha u minn mindu bdiet ħalliet mill-inqas 10,000 nies ċivili mejta, inklużi aktar minn 560 tfal. Il-feruti qabżu t-18,500. Mentri l-gwerra li bdiet aktar riċenti bejn l-Iżrael u l-Ħamas hija aktar devastanti.

Din diġà ħasdet il-ħajja b’mod brutali ta’ aktar minn 22,000 Palestinjani u Iżraeliti inklużi 109 ġurnalisti. Magħhom mietu aktar minn 135 ħaddiema tal-UNRWA. Ma ninsewx dak li ġara s-sena l-oħra wkoll fis-Sudan fejn saret atroċità ta’ tindif etniku bi ġlied li sewa l-ħajja ta’ aktar minn 10,000 persuna oħra. Dawn kollha mietu u oħrajn mistennija li wkoll jitilfu ħajjithom minħabba li l-paċi, fid-dinja, ma teżistix. 

Tul l-Istorja l-bniedem dejjem kien fi gwerer. Dejjem webbes rasu u dejjem arma lilu nnifsu bl-iskuża li f’każ ta’ bżonn ikun ippreparat biex jiddefendi lilu nnifsu. L-armi fl-idejn iġibu biss il-mewt, bħalma jġibu l-mewt l-armi tan-nar fl-isparaturi tal-massa f’żoni pubbliċi bħal skejjel u ħwienet li ta’ spiss qegħdin nisimgħu dwarhom. Persuna sempliċiment tiddeċiedi li tiftaħ in-nar u toqtol lil kull povru jew povra li ssib quddiemha.

Dan għax sempliċiment fettillu hekk u għandu arma biex jilħaq l-iskop malinn tiegħu. L-armi żgur li huma l-oppost tal-paċi imma, fejn tidħol il-produzzjoni tal-armi jidħlu l-biljuni ta’ flus. U fejn il-flus, sfortuntament, ir-realtà hija li ma jidħol xejn u ħadd qabilhom, lanqas il-paċi. 

Huwa ta’ dieqa u ta’ tħassib li minkejja sforzi għall-paċi xorta waħda għadna ngħixu f’dinja mimlija konflitti. Hawn nistaqsu x’paċi hi din li tant nisħqu fuqha? X’paċi hi din li kulħadd irid iżda xorta m’għandniex? 

Bdejna sena ġdida bi gwerer. Li tisma’ ġurnalist Palestinjan jiddeskrivi s-sofferenzi kbar li għaddejjin minnhom nies bħali u bħalek bħalissa, hija inkompetenza politika fuq livell internazzjonali. Li tisma’ l-istess ġurnalist jgħid li ‘m’għandniex ilma, m’għandniex x’nieklu… qegħdin biss nistennew li mmutu’ hija inkonċepibbli, inaċċettabbli u kundannabbli. Nemmnu li dawn in-nies m’għandhomx jistennew li jmutu. Nemmnu li dawn għandhom d-dritt għall-ħajja u jkollhom futur bħal ħaddieħor. 

Minkejja xenarji bħal dawn, ħafna minna nibqgħu nittamaw għall-paċi u huwa proprju għalhekk li minn żmien għal żmien intanbru fl-importanza li nitgħallmu u li naħdmu flimkien biex bħala bnedmin, xi darba, naslu biex ngħixu f’armonija.

Jekk il-pass importanti għall-paċi fid-dinja mhuwiex se jittieħed mill-kbarat, minn dawk responsabbli jew minn dawk bil-fakultà, dan il-pass jista’ jibda mill-popolat. Miż-żgħir. Dan billi b’mod kollettiv u b’insistenza qawwija nsemmgħu leħinna għall-waqfien mill-ġlied, għall-waqfien mill-gwerer u għall-waqfien mill-qtil. 

Saru bidliet kbar, inkisbu drittijiet f’kull sfera, twaqqfu sitwazzjonijiet serji, kif ukoll fejn u meta kien hemm bżonn, tneħħew milll-poter dittaturi u gvernijiet bla skrupli.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa Franġisku wissa dwar periklu li jista’ jkollna mill-Intelliġenza Artifiċjali imma, nemmnu, li l-periklu veru kien u għadu l-bniedem stess. Huwa l-bniedem l-unika annimal li joqtol ta’ xejn u huwa l-bniedem li jrid jieqaf mill-azzjonijiet egoistiċi sfrenati tiegħu u jassigura l-paċi. 

F’din is-sena l-ġdida nittamaw li l-bwon sens jirrenja ħalli mhux nistaqsu x’paċi hi din imma, għaliex ma ksibnihiex qabel?

Sport