Saturday, February 1, 2025

X’qed jaħseb, jimmaġina, u jħoss ChatGPT?!

... Jikteb Dun Jean Gové

Aqra wkoll

Dun Jean Gové huwa riċerkatur fl-AI & Humanity Lab fl-Università ta’ Hong Kong. Huwa wkoll l-Koordinatur Djoċesan għall-affarijiet marbuta mal-IA fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u mexxej tal-grupp ta’ riċerka Ewropew dwar l-IA fi ħdan id-Dikasteru għall-Kulturá u l-Edukazzjoni tas-Santa Sede. Kiseb id-dottorat tiegħu fil-filosofija analitika mill-Università ta’ St Andrews, l-Iskozja. Dan l-istudju kien iffinanzjat mill-Iskema ta’ Boroż ta’ Studju fl-Edukazzjoni Terzjarja (TESS). Huwa tana iktar dettalji rigward l-Intelliġenza Artifiċjali u l-famuża ChatGPT.

Ormai, illum drajna nisimgħu ħafna dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA). Waħda mill-għodod l-aktar popolari li tuża l-IA bla dubju ta’ xejn hija ChatGPT. Minn studenti sa għalliema, ħaddiema amministrattivi u segretarji, u sidien ta’ negozji kbar u żgħar, ChatGPT sar t’għajnuna kbira (u forsi anke indispensabbli!) għal ħafna. Din l-għodda (u oħrajn bħalha, għax ta’ min isemmi li ChatGPT huwa biss eżempju wieħed minn familja ta’ għodod imsejħa ‘Large Language Models’)kapaċi, fost ħwejjeġ oħra, jiġġenera emails, rapporti, u artikli, u saħansitra joħloq poeżiji u stampi.

Dan diġà jqajjem diversi domandi etiċi u soċjali. Ħaddiema li jużaw ChatGPT ikunu qed jonqsu mir-responsabbiltajiet tagħhom fuq ix-xogħol? Għandna nħallu l-istudenti jużawh kif ġie ġie? ChatGPT jirrispetta l-privatezza tagħna? U minn fejn ikun ġab l-informazzjoni biex jagħtina r-risposti li jiġġenera?

Iżda lil hinn minn dawn id-domandi validi, qed iqumu wkoll domandi aktar profondi u filosofiċi dwar in-natura ta’ ChatGPT, il-proċessi komputazzjonali li qed jagħmel, u l-mod ta’ kif aħna nirrelataw miegħu u viċi-versa. L-interazzjonijiet tagħna ma’ ChatGPT huma miktuba bl-istess mod daqs li kieku qed inkellmu xi kollega fuq ix-xogħol, jew anke forsi xi ħabib. U ħafna huma dawk li jibqgħu affaxinati bil-mod kważi uman li bih ChatGPT ‘jirrispondi’ u saħansitra anke ‘jitkellem’. Fid-diskors tagħna ma’ u dwar din il-magna, spiss insibu ruħna nużaw verbi u frażijiet li ssoltu nużaw biss għall-bnedmin; “ChatGPT qed jifhem,” “Ftakar dak li saqsejtu lbieraħ,” “Qed idum jaħseb fir-risposta,” u ħafna frażijiet oħra simili. Allura waħedha tqum id-domanda: veru li ChatGPT jifhem, jiftakar, u jaħseb bl-istess mod li aħna nifhmu, niftakru, u naħsbu?

Dawn huma domandi kruċjali, għaliex ir-risposti tagħna għalihom jiddetermina kif għandna nevalwaw u nġibu ruħna ma’ dawn it-tip ta’ magni. Infatti, diversi filosofi fil-kamp tal-filosofija tal-IA, u l-hekk imsejħa philosophy of mind and language, qed jiddedikaw ħafna ħin u enerġija biex jippruvaw jagħrfu x’inhu verament qed jiġri f’dawn il-magni.

Forsi hemm min jistaqsi: “X’tista’ toffri l-filosofija lid-dinja tal-IA?” Ir-risposta qasira hija “ħafna!” Ta’ min hawnhekk jenfasizza d-distinzjoni bejn dawk li huma domandi tekniċi, u dawk filosofiċi, etiċi, jew normattivi. Biex nagħti eżempju, id-domanda ta’ kif tagħmel trapjant tal-qalb hija waħda ‘teknika’, imma kif tagħżel min għandu jirċievi trapjant hija domanda etika. Daqstant ieħor, allura, kif ChatGPT jaħdem u jiffunzjona huma domandi tekniċi, imma d-domanda ta’ kif u għaliex il-proċessi komputazzjonali li jagħmel ChatGPT jixbhu jew ma jixbhux il-proċessi mentali li jagħmel il-bniedem hija domanda filosofika għall-aħħar.

Hawnhekk mhux lakemm ngħidu li d-differenza tinstab sempliċiment fil-fatt li ChatGPT hu magna, waqt li aħna m’aħniex. Diversi ħassieba jargumentaw li, wara kollox, sew in-newroni ta’ moħħna u sew il-wajers ta’ ChatGPT jittrasmettu l-informazzjoni permezz tal-elettriku. Dawn il-ħassieba li mhumiex ftit iħarsu lejn il-moħħ tal-bniedem b’mod ridott għall-aħħar daqs li kieku hu wkoll huwa tip ta’ magna kumplessa. 

Minkejja dan, però, xorta waħda s’issa hemm qbil (kważi) unanimu li ChatGPT ma jaħsibx u jirraġuna bl-istess mod bħalna l-bnedmin. Dan minħabba l-fatt li, avolja ChatGPT jipproduċi sentenzi u paragrafi sħaħ li jidhru li jagħmlu sens u li huma koerenti, ChatGPT m’għandux għarfien ta’ xi jfissru l-kliem li qed juża. Xi tfisser din?

Nagħmlu mod li qed inħares ’il barra mit-tieqa u ngħid: “Il-qattusa qiegħda bilqiegħda fuq il-karozza.” Il-kliem “qattusa” u “karozza” li jien illissen jirreferu għal xi oġġetti partikulari li jinsabu xi mkien madwari. Nista’ nippunta lejhom u, jekk jismagħni xi ħadd li jifhem il-Malti, ikun jaf fuq xiex qed nitkellem u lejn xiex qed nirreferi. Fuq livell aktar profond, allura, il-komunikazzjoni tagħna bejnietna tagħmel sens proprju għax il-kliem li nużaw ifisser xi ħaġa, jirreferi għal oġġetti speċifiċi li jinsabu fid-dinja ta’ madwarna. Dan il-fatt forsi kemxejn ovvju huwa kruċjali biex nissottolinjaw id-differenza bejna u ChatGPT, propju għaliex magni bħal ChatGPT joħolqu sentenzi u testi oħra b’mod totalment differenti.

Għalkemm ChatGPT jaf ‘ilissen’ sentenzi bħalna, dan jagħmlu mhux frott għażla konxja ta’ xi jfissru kliem differenti u għal xiex jirreferu, imma frott kalkoli kumplessi bbażati fuq statistika u probabbiltà. Biex nadatta eżempju popolari fil-letteratura, immaġinaw li kieku kelli nkellem xi ħadd Ċiniż u sieħbi, li jaf iċ-Ċiniż, isefsifli f’widnejja xi ħsejjes għandi nagħmel biex nirrispondi d-domandi li r-raġel Ċiniż qed jagħmilli. Avolja qed ikollna diskursata bejnietna, żgur li ħadd ma jasal jgħid li jien naf fuq xiex qed nitkellmu. Daqstant ieħor ChatGPT! Bid-differenza li flok xi ħadd ‘isefsef f’widnejn ChatGPT’, il-magna tirriċerka l-informazzjoni kollha li tkun mgħallma fuqha biex toħloq ir-risposti li tiġġenera. Għaldaqstant, għalkemm ChatGPT joħloq sentenzi li jagħmlu sens, essenzjalment ma jafx x’inhu jgħid!

Għandna nżommu dan il-fatt f’moħħna kull darba li ninteraġixxu ma’ magni bħal ChatGPT. Diġà qegħdin niffaċċjaw sfidi fejn nies jafdaw dak li jgħid ChatGPT b’għajnejn magħluqa, jew saħansitra jqisuh jew ikellmuh daqs li kieku bniedem. Filwaqt li dawn il-magni huma opra inkredibbli ta’ teknoloġija li kapaċi jgħinuna ħafna u għandhom potenzjal kbir ta’ ħid, tajjeb li niftakru dejjem li ‘mhuma xejn għajr’ magni li jimmanipulaw kliem u ħsejjes, mingħajr ma jafu xi jfissru u lejn xiex jirreferu l-istess kliem li qed jużaw.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport