Saturday, November 16, 2024

X’SE JIEĦU L-PN BIL-PROTESTI?

Aqra wkoll

Ilbieraħ filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista reġa’ niżżel lin-nies fit-toroq għal protesta oħra sabiex fi kliemhom stess jagħtu is-saħħa lill-Maltin. Protesta li ġiet imsejħa hekk kif ninsabu f’nofs kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u wara l-aħħar żviluppi li seħħew b’rabta mal-inkjesta Vitals-Steward.

Il-protesti li qed jorganizza l-PN huma riflessjoni ta’ partit li m’għandux argumenti sodi biżżejjed biex jirribatti u għalhekk qed jirrikorri għal modi ta’ pressjoni diretta biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ bażi argumentattiva tiegħu. Dan qed jagħmlu biex forsi jikkonvinċi xi ftit lill-poplu.

Filwaqt li l-protesti u dimostrazzjonijiet huma dritt bażiku f’kull pajjiż demokratiku però ma nistgħux ma nurux it-tħassib tagħna dwar il-mod ta’ kif qed jiġu ordnati dawn il-protesti. Għalhekk, nistaqsu, x’qed jaħseb li se jirbaħ il-PN bil-protesti u d-dimostrazzjonijiet. Assolutament xejn ħlief li jkompli jiżra aktar il-firda fost il-poplu.

Dan il-mod ċertament aħna ma naqblux miegħu u għalhekk nappoġġjaw l-appelli kollha, saru minn fejn saru, biex ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjonijiet li jistgħu jinħolqu minn dimostrazzjonijiet bħal dawn. Id-dritt tal-protesta jibqa’ sagrosant dment li dawn ikunu ċivili u paċifiċi.

Donnu li l-Partit Nazzjonalista għadu ma jridx jirrealizza l-pożizzjoni tiegħu tant li minkejja dawn il-protesti, u anke d-diżubbidjenza parlamentari li ordna l-Kap Bernard Grech, mhu qed iwasslu lil PN imkien.

Dan kollu jidher ċar fi stħarriġ wara l-ieħor li lkoll qed juru li l-PN mhu qed jagħmel ebda avvanzi fost l-elettorat. Tant li d-distakk li kien hemm bejn iż-żewġ partiti naqas xi ftit mill-aħħar elezzjoni ġenerali mhux għax in-nies qed jemmnu lill-PN imma għaliex hemm xi Laburisti li għadhom mhux deċiżi jekk joħorġux jivvutaw jew le.

Għalhekk nemmnu li jekk jiżdied it-turnout fil-votazzjoni tat-8 ta’ Ġnju, id-distakk bejn il-PL u l-PN se jkompli jikber aktar. Nemmnu wkoll li issa li ninsabu qrib ħafna ta’ dawn l-elezzjonijiet, il-messaġġ li għandu jintbagħat mill-partiti ewlenin għandu jkun wieħed ċar – dwar il-viżjoni ta’ fejn iridu jieħdu lill-pajjjiż għas-snin li ġejjin anke fuq bażi Ewropea – u mhux jiffokaw fuq il-protesti li ma jwasslu mkien.

Fl-aħħar mill-aħħar il-poplu dak li jrid jara, l-għaqda. Kif ukoll proposti konkreti li jkunu ta’ ġid għal kulħadd. Proposti u inizjattivi li jsarrfu f’titjib tal-kwalità tal-ħajja, u li jolqtu lil faxex differenti tas-soċjetà.

Ekonomija

Sport