Friday, November 29, 2024

X’tgħallimna mill-Covid-19?

Aqra wkoll

Minn Dr Katya De Giovanni

F’xogħli ta’ kuljum bħala psikologa u lettur niltaqa ma’ bosta nies jilmentaw fuq l-impatt li kellha fuqna l-pandemija tal-Covid-19. Tassew il-pandemija laqtet mill-kbir saż-żgħir. Negozji żgħar, medji u kbar qed jissieltu mal-isfidi finanzjarji, u s-sistema tas-saħħa qed tiffacja sfidi qawwija wkoll.

L-istess jista’ jintqal għall-iskejjel u l-entitajiet edukattivi li bħalissa huma taħt pressjoni qawwija biex jaddattaw bl-aħjar mod possibbli għal din ir-realtà ġdida u biex jiggarantixxu l-aqwa miżuri li jissalvagwardjaw lil uliedna. U xi ngħidu għaż-żgħir u għall-anzjani? L-impatt fuq dawn iż-żewġ faxex tas-soċjetà kien sostanzjali.

Filwaqt li l-pandemija ġabet magħha bosta sfidi, tagħtna l-opportunità biex nieqfu, nifmhu dak li qed jiġri, u nitgħallmu minnu. Tassew il-pandemija ġabitna aktar konxija fil-kapaċitajiet tagħna bħala poplu li naddattaw malajr għaċ-ċirkostanzi ġodda. Aħna poplu dinamiku, kapaċi u flessibli u problema malajr indawruha f’soluzzjoni. Għalkemm inħaddnu kultura li ngergru fuq kollox u nġibuhom xi ftit bi kbar, għandna l-kapaċità li niffaċċjaw bla biża’ kull sfida li tinqala’. Hekk urietna l-istorja ta’ pajjiżna u hekk qed turi s-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum. Dak hu li tassew jagħmilna poplu msejjes fuq valuri sodi u dak hu li jagħmilna Maltin.

Waħda mill-akbar sfidi li aħna bħala poplu kellna niffaċċjaw kien l-adattament għall-kunċett ta’ teleworking. Mindu faqqgħet il-pandemija, intlabt bosta drabi nagħti appoġġ lin-nies li sabuha bi tqila biex jaddattaw għal din ir-realtà. Għal bosta ħaddiema li mdorrijin bir-rutina li jmorru kuljum għax-xogħol, dan kien xokk kbir. Apparti r-rwol kruċjali li għandu bħala mezz ta’ għixien, ix-xogħol għandu wkoll funzjonijiet oħrajn: Jgħin sabiex nissoċjalizzaw ma’sħabna kuljum, jgħinna biex nagħtu sinjifikat u kontribut f’ħajjitna u fl-aħħar mill-aħħar jagħtina wkoll identità.

Fis-sitwazzjoni tal-Covid fejn ħafna ħaddiema ingħataw il-possibbiltà li jaħdmu bit-teleworking, bżajna li se nitilfu ħafna minn dan kollu. Madankollu ma konniex qed naraw kemm fil-verità t-telework għandu benefiċċji fejn indunanja li xi xogħol li jirrikjedi ċertu kwiet u ħsieb isir aħjar mid-dar milli fuq ix-xogħol b’od partikolari meta hemm ħafna uffiċini joperaw bil-kunċett ta’ open plan. Indunajna wkoll li bit-teleworking, wieħed jiffranka l-ħin fit-traffiku u jifdallu ħafna aktar ħin ta’ rilassament mal-familja. Sakemm wieħed qed jagħmel ix-xogħol jista’ wkoll jieħu ħsieb tfal ta’ ċerti etajiet u anke jagħmel xi xogħol tad-dar.

Irridu ngħidu wkoll li meta l-istruttura tax-xogħol tinħadem b’ċerta għaqal, wieħed jinduna li jiffranka mill-kontijiet tad-dawl, mill-kera tal-ispazju għall-impjegati u saħansitra ċertu xogħol fejn jingħata servizz lejn il-konsumatur jista’ jsir għall-ħinijiet li huma itwal sabiex iċ-ċittadin jinqeda aħjar.

Il-messaġġ tiegħi għall-faxex kollha tas-soċjeta huwa wieħed; ejjew nużaw l-esperjenzi bħala opportunità biex nikbru u nissaħħu. B’aktar għaqal u ħsieb nistgħu nilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja b’tali mod li jgawdi kulħadd. L-isfidi qatt ma naqsu għal dan in-nazzjon. Il-pandemija tal-Covid-19 hija sfida oħra li b’naqra ħsieb nistgħu ndawruha f’opportunità.

Sport