Wednesday, July 17, 2024

X’wassal għall-massakru fl-Isptar Al Ahli f’Gaza?

… diversi sigħat wara bla ebda konferma

Aqra wkoll

Mijiet ta’ persuni fosthom tfal huma konfermati vittmi ta’ attakk b’missila li s’issa għad m’hemm l-ebda konferma uffiċjali dwar kif din spiċċat fuq l-Isptar Al Ahli f’Gaza. Fl-aħħar sigħat il-midja sfat invażata bi spekulazzjonijiet u interpretazzjonijiet varji tal-massakru li jkompli jikxef il-kruha tal-atroċitajiet tal-gwerra li issa waslet biex tmiss it-tieni ġimgħa tagħha.

L-ambaxxatur Palestinjan għan-Nazzjonijiet Uniti Riyad Mansour ikkwota lill-Prim Ministru Iżraelit fejn qal li diversi sorsi qalu li l-moħħ wara dan l-attakk b’missila li falliet kien l-Jihad Iżlamiku u rrefera għal Netanyahu bħala “giddieb”. Mansour saħħaħ l-argument tiegħu billi qal li l-kelliem ta’ Netanyahu, kif ukoll dak inkarigat minn stqarrijiet diġitali xerred Tweet li tgħid li l-Iżrael wettqet l-attakk minħabba li madwar l-isptar milqut hemm bażi tal-Hamas, iżda skontu din it-Tweet ġiet imħassra ftit wara.

“Għandna kopja ta’ din it-Tweet u nistgħu anke nxerrduha mal-pubbliku”, kompla biex jgħid Mansour filwaqt li żied li issa dawn biddlu l-verżjoni biex jippruvaw jixħtu l-ħtija fuq il-Palestinjani.

“Hija gidba u l-kelliem Iżraelit tal-armata xi jiem ilu għamel stqarrija b’saħħitha meta talab għall-evakwazzjoni tal-Isptarijiet. L-Isptarijiet huma fil-mira tagħhom u infatti sptar minnhom ġie milqut il-ġimgħa li għaddiet. Mela l-intenzjonijiet tagħhom hija li jew issir l-evakwazzjoni inkella huma jisparaw. Huma responsabbli ta’ din il-kriminalità u ma jistgħux jivvintaw verżjonijiet differenti”, tenna Mansour.

Min-naħa tiegħu l-influencer prominenti proIżraelit Hananya Naftali wieġeb b’deskrizzjoni ta’ dinja li għalih hija waħda miġnuna fejn għal ġimgħa sħiħa din iddibattiet jekk ftit jiem ilu l-Hamas qatgħux l-irjus ta’ trąbi jew inkella ħarquhom ħajjin.

“Ħaditilhom biss minuta biex ixerrdu il-gidba li l-Iżrael ibbumbardja sptar. L-evidenza kollha turi li ma kinitx l-Iżrael. Hamas sparat missila fuq sptar f’Ashkelon u d-dinja kollha baqgħet siekta. Hamas ibbumbardjaw sptar u d-dinja baqgħet siekta. Ma tkellmux għax il-ħajjiet Lhud ma jiswewx għalihom”, tenna jgħid Naftali filwaqt li qal li r-realtà hija li ftit qabel ntlaqat l-Isptar ġew sparati għadd ta’ missili mill-Hamas b’wieħed minnhom jolqot l-Isptar u hemm evidenza li tipprova dan.

Ekonomija

Sport