Y-Plates: bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u servizz li l-konsumatur jista’ jafda

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin, is-servizz tal-Y-Plates sar parti mir-realtà tat-trasport f’pajjiżna. Servizz li ġab miegħu aktar konvenjenza, aċċessibbiltà u alternattiva għal dawk li, għal raġuni jew oħra, ma jixtiqux jew ma jistgħux jużaw il-karozza privata jew it-trasport pubbliku.

Madankollu, it-tkabbir mgħaġġel ta’ dan is-settur ġab miegħu wkoll sfidi li ma jistgħux jiġu injorati. Minn naħa, żdied it-tħassib dwar l-impatt ta’ aktar vetturi fit-toroq tagħna. Min-naħa l-oħra, tqajmu mistoqsijiet importanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera li jipprovdu dan is-servizz.

Għalhekk, il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni kienet, u tibqa’, waħda essenzjali. Kull ħaddiem għandu dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, dħul ġust, ħin adegwat ta’ mistrieħ u protezzjoni minn sistema li tista’ tagħmel pressjoni fuqu biex jaħdem sigħat twal sempliċement biex jaqla’ l-għajxien tiegħu.

Iżda regolamentazzjoni tajba ma tistax tħares lejn aspett wieħed biss. Trid tqis l-istampa kollha u, fuq kollox, ir-riżultati li tkun qed tħalli fil-prattika.

Fl-aħħar xhur, mill-perspettiva tal-konsumatur, qed tinħass bidla fis-servizz tal-Y-Plates. Il-prezzijiet żdiedu, iżda aktar inkwetanti minn hekk hija l-kwistjoni tal-affidabbiltà. Qed ikun hemm każi fejn klijent jitlob rikba, xufier jaċċettaha u ftit minuti wara jikkanċellaha. Il-klijent ikollu jerġa’ jibda jfittex vettura, xi drabi aktar minn darba, sakemm jirnexxilu jsib min iwasslu fid-destinazzjoni tiegħu.

Dak li qabel kien meqjus bħala servizz konvenjenti u li wieħed seta’ jserraħ rasu fuqu, għal xi wħud qed isir esperjenza ta’ inċertezza.

Imma għaliex qed jiġri dan?

Ikun faċli li wieħed jitfa’ r-responsabbiltà kollha fuq ix-xufiera. Iżda jekk irridu nifhmu x’qed jiġri tassew, irridu nħarsu aktar fil-fond.

Kif qed jitħallsu dawn ix-xufiera? X’sehem mill-prezz ta’ kull rikba qed jinżamm mill-pjattaformi? Kemm żdiedu l-ispejjeż għall-operaturi u s-sidien tal-vetturi? X’impatt kellhom il-bidliet regolatorji fuq in-numru ta’ vetturi u xufiera disponibbli? U, fuq kollox, is-sistema kif qed taħdem illum qiegħda twassal biex xufier ikollu jagħżel bejn rikba u oħra sabiex ikun jista’ jagħmel dħul raġonevoli?

Dawn, fost oħrajn, huma mistoqsijiet li jistħoqqilhom tweġibiet ċari.

Ma rridux sistema fejn il-konsumatur igawdi minn prezzijiet baxxi għax il-ħaddiem ikun qed iħallas il-prezz permezz ta’ kundizzjonijiet ħżiena jew dħul mhux diċenti. Iżda lanqas ma rridu sistema fejn, biex insolvu problema waħda, noħolqu oħra u nispiċċaw b’servizz tant għali jew inaffidabbli li l-konsumatur ma jibqax jarah bħala alternattiva vijabbli.

Il-bilanċ bejn dawn iż-żewġ realtajiet huwa essenzjali.

Hawnhekk tidħol ukoll kwistjoni oħra li tolqot direttament il-kwalità tal-ħajja tagħna: it-traffiku.

Servizz ta’ mobilità bħall-Y-Plates, jekk ikun sigur, affidabbli u bi prezz raġonevoli, jista’ jkun parti minn taħlita usa’ ta’ soluzzjonijiet li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-karozza privata. Naturalment, waħdu mhux se jsolvi l-problema tat-traffiku, iżda jista’ jagħti lin-nies għażla oħra meta jkunu qed jiddeċiedu kif se jivvjaġġaw.

Biex persuna tagħżel li tħalli l-karozza d-dar, madankollu, trid tkun ċerta li meta jkollha bżonn trasport se ssibu, bi prezz li tiflaħ għalih u f’ħin raġonevoli.

U proprju hawnhekk jinsab wieħed mill-akbar riskji għas-settur.

Jekk il-Y-Plates jibqgħu jitqiesu bħala servizz dejjem aktar għali jew inċert, hemm il-periklu li gradwalment tintilef il-fiduċja tal-konsumatur. Meta persuna ma tkunx taf jekk rikba aċċettata hix se tibqa’ kkonfermata, kemm se jkollha tistenna jew kemm se jiswielha l-vjaġġ, tibda tfittex alternattivi oħra.

Din hija realtà li, sa ċertu punt, diġà nafuha mit-trasport pubbliku.

Għal snin sħaħ, waħda mill-isfidi ewlenin tas-servizz tal-karozzi tal-linja kienet, u għadha, il-fiduċja tal-passiġġieri fl-affidabbiltà tiegħu. Mhux biżżejjed li servizz ikun disponibbli fuq il-karta. Irid ikun kapaċi jwassal lill-passiġġier fejn għandu bżonn, fil-ħin u b’mod konsistenti.

Għax meta tintilef il-fiduċja f’servizz ta’ trasport, ħafna jagħżlu li jerġgħu jiddependu fuq dik l-alternattiva li fuqha jħossuhom li għandhom l-akbar kontroll: il-karozza privata.

Jekk jiġri l-istess bil-Y-Plates, inkunu tlifna opportunità oħra biex noffru għażliet ta’ mobilità aktar flessibbli lill-pubbliku.

Għalhekk, nemmen li wasal iż-żmien li ssir evalwazzjoni serja ta’ dak li qed jiġri fis-settur wara l-bidliet li ġew introdotti.

Mhux biex immorru lura għal sistema mingħajr regoli. Anzi, ir-regolamentazzjoni hija meħtieġa biex tħares kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-konsumaturi. Iżda rridu niżguraw li r-regoli jkunu qed jilħqu l-għan tagħhom mingħajr ma joħolqu konsegwenzi mhux mixtieqa.

Din l-evalwazzjoni għandha tħares lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-mudelli ta’ ħlas, l-ispejjeż tal-operaturi, il-prezzijiet għall-konsumaturi u l-affidabbiltà tas-servizz. Għandha wkoll tinvolvi lil dawk kollha li għandhom interess dirett fis-settur, inklużi x-xufiera, l-operaturi, il-pjattaformi u r-rappreżentanti tal-konsumaturi.

Fuq kollox, għandna nifhmu jekk il-qafas attwali hux qed joħloq bilanċ ġust bejn tliet interessi li m’għandhomx jitqiesu bħala opposti għal xulxin: il-ħaddiem, il-konsumatur u l-operatur.

Il-ħaddiem għandu dritt għal xogħol dinjituż, kundizzjonijiet ġusti u dħul li jirrifletti x-xogħol tiegħu. Il-konsumatur għandu dritt għal servizz sigur, trasparenti, affidabbli u bi prezz raġonevoli. U min jinvesti u jopera f’dan is-settur għandu jkollu ambjent li jippermettilu joffri servizz sostenibbli.

Dawn it-tliet għanijiet jistgħu u għandhom jimxu flimkien.

Għax jekk hemm sinjali li xi ħaġa fis-sistema mhix taħdem kif suppost, m’għandniex nistennew sakemm il-problemi jikbru u l-fiduċja tal-pubbliku tonqos aktar.

Is-servizz tal-Y-Plates kien innovazzjoni importanti fil-mod kif nivvjaġġaw f’pajjiżna. Ikun żball jekk inħalluh jitlef ir-rilevanza tiegħu minħabba nuqqas ta’ bilanċ bejn ir-regolamentazzjoni, ir-realtajiet ekonomiċi tas-settur u l-ħtiġijiet tal-konsumatur.

Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess ta’ dan is-servizz ma jistax jitkejjel biss bin-numru ta’ vetturi fit-toroq jew bin-numru ta’ rikbiet li jsiru kuljum. Għandu jitkejjel ukoll minn kemm il-ħaddiema qed igawdu minn kundizzjonijiet ġusti, kemm l-operaturi jistgħu jibqgħu sostenibbli u, fuq kollox, kemm il-konsumaturi jistgħu jafdaw is-servizz li qed iħallsu għalih.

L-għan għandu jkun wieħed ċar: servizz tal-Y-Plates li jaħdem għall-passiġġier, iżda li jaħdem ukoll għal min jaqla’ ħobżu minnu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport