KEMM IRIDU JINQATLU AKTAR INNOĊENTI BIEX JIEQAF L-ATTAKK?

Aqra wkoll

Ilna ngħidu u nistaqsu xhur. Kemm se jdumu jinqatlu persuni innoċenti f’Gaża?  Kemm se jdumu jinqatlu tfal u familji quddiem għajnejn id-dinja kollha? U proprju fl-anniversarju tat-tielet sena mindu seħħ l-attakk mill-Hamas fuq Iżrael, li imbagħad segwew attakki ma jaqtgħu xejn minn Iżrael fuq Gaża, liema attakki litteralment kinsu lil Gaża u ġabuha borġ ġebel, Iżrael ikompli jwettaq attakki ġodda fl-aħħar sigħat li ħallew imwiet fosthom voluntier mal-protezzjoni ċivili. Kemm iridu jinqatlu aktar nies bien dawn l-attakki jieqfu, minkejja li suppost kien tħabbar ftehim ta’ waqfien mill-ġlied?

Għaddew ftit aktar minn 1090 jiem ta’ attakki. Kienu jiem li fihom ta’ kuljum id-dinja kienet qiegħda tara quddiem għajnejha il-ksur tad-dritt internazzjonali u dan mingħajr ma jkun hemm responsabbilità. Sa issa hu kkalkulat li inqatlu aktar minn 75,000 persuna f’Gaża.  Minn dawn hemm madwar 270 ġurnalist, 120 akkademiku, u kważi sitt mitt ħaddiema umanitarji.  Hemm kważi 22,000 tfal li spiċċaw maqtulin fl-attakki.  Hu kkalkulat li hemm 175,100 persuna feruti  bi ftit aktar minn 44,000 minnhom huma tfal. F’Ottubru ta’ sena ilu kien sar il-famuż ftehim. Ftehim li naqqas l-intensità tal-attakki minn Iżrael. Minkejja dan l-attakki baqgħu. U minn dakinhar sa llum inqatlu 1,445 persuna f’attakki ġodda li saru, jiġifieri aktar minn tlett persuni kuljum. 

Illum l-immaġini li naraw ta’ Gaża huma qerda totali. Tifrik u kullimkien borġ terrapien.  Inqerdu universitajiet, sptarijiet u d-djar ta’ dawk li kienu jgħixu hemm. U quddiem din ir-realtà, il-poplu Palestinjan baqa’ hemm jipprova jgħix. Ħafna drabi b’nuqqas kbir ta’ ikel, ilma u mediċini. Jgħixu f’kampijiet esposti għal elementi naturali.

Minkejja li komplew l-attakki, dawk li suppost kienu inizjattivi diplomatiċi bħall-Board of Peace intużaw biex joħolqu stampa ta’ paċi li ma tirriflettix ir-realtà. Wara d-diskors diplomatiku, il-Palestinjani f’Gaża għadhom qed jinqatlu, jitħallew mingħajr ikel, jiġu mblukkati u mġiegħla jgħixu f’żoni dejjem iżgħar. Waqt li jsir dan gvernijiet fil-Punent ikomplu jippermettu li jseħħu dawn l-atroċitajiet kontra l-Palestinjani. Idawwru wiċċhom banda oħra u jinjoraw dak li għaddej.  Oħrajn litteralment siktin.

Kultant naraw xi pajjiż li joħroġ xi dikjarazzjoni bħal ma kien hemm dik mir-Renju Unit. Ovvjament dikjarazzjoni li nħarġet tard. U dikjarazzjoni li mhix biżżejjed.  Dikjarazzjoni li qiegħda ssir fi sfont fejn ħafna pajjiżi litteralment siktin u passivi quddiem dak li twettaq u li għadu għaddej. 

Wieħed ma jridx jinsab li fis-sena  2024, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien hemm riskju reali u imminenti ta’ ħsara irreparabbli lill-Palestinjani f’Gaża u ordnat miżuri proviżorji kontra Iżrael skont il-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju. Xi jfisser dan? Ma jfissirx kliem biss. Ifisser li l-pajjiżi għandhom jieħdu passi konkreti 

Ma ninsewx ukoll li fl-istess sena, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-okkupazzjoni Iżraeljana tax-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, kif ukoll tal-Istrixxa ta’ Gaża, hija illegali.

Infakkru ukoll li l-aktar attakk fatali fuq ċivili li qatt ġarrab l-Iżrael – soċjetà sħiħa għadha maqbuda fi trawma profonda. Il-brutalità li ħarġet minn dawn il-massakri, imwettqa mill-Ħamas f’komunitajiet tul il-perimetru tal-Istrixxa ta’ Gaża, tispjega fil-biċċa l-kbira s-sitwazzjoni li fiha jinsabu l-Iżraeljani. Għal żmien twil, huma baqgħu jgħixu fl-inċertezza dwar id-destin tal-maħbubin tagħhom li nżammu ostaġġi f’Gaża għal xhur sħaħ f’kundizzjonijiet terribbli.

Din it-trawma imma ġiet sfruttata mill-moviment  tal-lemin estrem fl-Iżrael, li jippromwovi b’mod miftuħ it-tindif etniku mmirat lejn il-Palestinjani kollha. Din it-tendenza żammet milli ssir kwalunkwe analiżi kritika tar-rispons militari li rriżulta fil-qerda ta’ Gaża. Hija wkoll fgat id-dibattitu dwar il-konsegwenzi distruttivi tal-espansjoni tal-insedjamenti u l-imblokk ta’ Gaża li kien fis-seħħ qabel is-7 ta’ Ottubru, kif ukoll kwalunkwe riflessjoni serja dwar il-kundizzjonijiet reali biex jissolva l-eqdem kunflitt fir-reġjun tal-Lvant Nofsani. Din iċ-ċaħda tispjega l-konfużjoni tal-Iżrael quddiem l-iżolament internazzjonali tiegħu, li huwa bla preċedent fl-istorja.

Is-sens ta’ staġnar ġie msaħħaħ mill-azzjonijiet ta’ Netanyahu. Minbarra r-riżenji individwali ta’ uffiċjali għolja tal-armata u tas-servizzi tal-intelligence, l-ebda mexxej politiku ma nżamm responsabbli għall-avvenimenti tas-7 ta’ Ottubru.  Madankollu, ir-rivelazzjonijiet dwar twissijiet li jingħad li rċieva mingħand alleati Għarab qabel il-massakri – li hu ċaħad kategorikament – ​​juru kemm kienet tkun meħtieġa analiżi kompletament trasparenti tad-deċiżjonijiet li ppermettew li sseħħ din il-katastrofi tas-sigurtà. Huwa minnu li l-Iżraeljani se jmorru jivvutaw fis-27 ta’ Ottubru, iżda se jagħmlu dan mingħajr aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jifhmu kif setgħet seħħet din it-traġedja.

Wieħed jistenna li l-poplu Iżraeljan jirreaġixxi b’mod qawwi f’din l-elezzjoni.  Dan hu meħtieġ jekk il-poplu Iżraeljan ma jridx li l-pajjiż jibqa’ nieżel l-isfel. Poplu li hu maqsum ħafna. Mhux se jkun sempliċement każ ta’ min jirbaħ u min jitlef: għal ħafna Iżraeljani, din hi wkoll kwistjoni ta’ sigurtà. Għal oħrajn responsabbiltà politika u għal oħrajn jinteressahom il-futur tal-pajjiż, li fil-mument jinsab f’iżolament bla preċedent. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport