Fl-ewwel ġimgħat ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern investa xejn inqas minn €33 miljun f’benefiċċji soċjali – li uħud minnhom ġew msaħħa fl-aħħar budget.
L-akbar benefiċċju li ġie msaħħaħ u li kompla jitqassam fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura kien iċ-Childrens’ Allowance b’investiment totali ta’ €20 miljun. Dan ingħata lil 42,600 familja għal 63,000 tifel u tifla.
L-allowance tat-tfal kien imsaħħaħ fil-Budget li għadda u bit-tibdil li sar żdiedu r-rati li jitħallsu l-familji għal kull wild taħt is-16-il sena.
L-ogħla rata taċ-Childrens’ Allowance żdiedet b’€417 għal kull wild għal total ta’ €2,330 fis-sena. Dan ifisser li familja b’żewġ ulied li huma intitolati għall-ogħla rata se jirċievu €4,660 f’Childrens’ Allowance permezz taż-żieda mogħtija fl-aħħar Budget.
Ir-rati jvarjaw skont id-dħul tal-familja bl-inqas rata ta’ Allowance tkun €1,100 għal kull wild f’sena – jew €2,200 għal familja b’żewġt itfal.
Ftit aktar minn 2,000 familja rċevew l-Allowance għal tfal b’Diżabilità b’investiment ta’ €1.35 miljun. B’kollox minn din il-miżura qed jibbenefikaw 2,800 tifel u tifla. Intant din is-sena l-Gvern se jkun investa wkoll mat-€3.4 miljun f’Carers Grant lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu sabiex jieħdu ħsieb lil uliedhom b’diżabilità severa. F’Ottubru li għadda inħareġ pagament ta’ madwar €860,000 mit-total, li jkopri ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru.
Kull ġenitur li jieħu dan l-allowance jirċievi €5,369 fis-sena – jew nofs il-paga minima nazzjonali.
Dan filwaqt filwaqt li l-Foster Parents ta’ tfal f’etajiet sa 21 sena raw żieda ta’ €520 f’dan il-benefiċċju. B’kollox f’sena l-benefiċċju miżjud huwa ta’ €6,760, b’€1,690 jitħallsu f’Settembru li għadda. Huma total ta’ 160 familja li bbenefikaw minn dan il-benefiċċju.
F’temp ta’ 100 jum ukoll il-Gvern ħallas xejn inqas minn €5.4 miljun f’Allowance Supplimentari li jmur l-aktar għal romol, persuni ddivorzjati jew separati kif ukoll persuni single. B’kollox ibbenefikaw 20,000 persuna.
Hawn ukoll il-benefiċċjarji raw żidiet.
F’Ottubru inħareġ t-tielet pagament tal-In Work Benefit lil 23,400 ġenitur li jaħdem bi tfal ta’ taħt it-23 sena. B’kollox dan jimmarka investiment totali ta’ €4.5 miljun.
Hawnhekk ukoll il-Gvern żied ir-rati b’€75 għal kull wild bl-ogħla rati jitilgħu għal €856 fis-sena għal koppji fejn ġenitur wieħed jaħdem u €1,627 għal koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu. Din kienet is-sitt żieda fl-In Work Benefit li introduċa Gvern Laburista fl-2015.
B’kollox din is-sena il-Gvern se jkun poġġa fil-bwiet tal-familji kważi €130 miljun f’benefiċċji soċjali.

