Ir-Russa Efimova terġa’ titfaċċa b’isem ġdid

Aqra wkoll

Il-Ġimgħa, 2 ta’ Ottubru numru ta’ membri Parlamentari Ewropej irċevew imejl mingħand ċerta Maria Varnava li fiha kien hemm attakk aggressiv kontra Malta u Ċipru dwar dik li sejħet bħala korruzzjoni li teżisti f’dawn iż-żewġ pajjiżi. TgĦid li qed tiġi ppersegwitata.

L-imel, li IT-TORĊA rat kopja tagħha, akkużat lill-awtoritajiet Maltin u Ċiprijotti li huma mwaqqfin biex jiġġieldu l-korruzzjoni, li mhumiex jagħmlu xogħolhom għax suppost qed jiġu intimidati mill-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi. Fil-waqt li tgħid li hi qed tiġi ppersegwitata, fil-każ ta’ Malta, Maria Varnava ssemmi l-Pilatus Bank u anki lil Daphne Caruana Galizia. 

X’ħin iżda fl-aħħar ġiet biex tiffirma l-imejll, din Maria Varnava ffirmata bħala Maria Efimova Varnava. Efimova hija ċittadina Russa u  kienet is-sors ta’ Daphne Caruana Galizia biex fis-sena 2017 inħolqot il-gidba li Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, kienet is-sid ta’ kumpanija sigrieta fil-Panama bl-isem ta’ Egrant.  Efimova kienet imbagħad ippruvat twaħħal f’Caruana Galizia meta xehdet fl-inkjesta indipendenti, iżda l-Maġistrat Aaron Bugeja emmen lill-ġurnalista u mhux lilha u ordna li jittiehħdu passi kontriha.

Mill-informazzjoni li ingħatat minn Efimova, Caruana Galizia kienet kitbet li dokument f’safe fil-bank Pilatus kien juri li l-Egrant kienet tas-sinjura Muscat. Il-Partit Nazzjonalista kien għamel ukoll tiegħu din il-gidba billi kien irrepeta l-allegazzjonijiet foloz li kitbet Caruana Galizia fil-blog tagħha.  Ftit ġimgħat ilu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li allegatament l-avukat Nazzjonalista Peter Fenech, li deher għal Efimova, kellu rwol fit-twassil ta’ din l-istorja.

Firem foloz

Waqt li Dr Muscat kien sejjaħ sa mill-ewwel mument din l-allegazzjoni bħala gidba faħxija u frame up, kien talab li ssir inkjesta Maġisterjali fuq dak li kien qiegħed jiġi allegat. Fit-22 ta’ Lulju tas-sena 2018 kienu ppubblikati l-konkluzjonijiet tal-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja li sabet li l-kumpanija Egrant ma kinitx tal-Prim Ministru Joseph Muscat u lanqas ta’ martu jew ta’ xi qraba tagħhom.

L-inkjesta sabet li quddiemha kienu ġew ippreżentati kopji ta’ ‘declarations of trust’, li kellhom ikunu l-prova prinċipali dwar min hu s-sid tal-Egrant u li meta dawn ġew analizzati darbtejn kien stabbilit li l-firem fuqhom kienu foloz. L-inkjesta stabbiliet ukoll li Joseph Muscat u martu ma kinux involuti f’korruzzjoni jew f’ħasil ta’ flus u xejnet allegazzjoni oħra bbażata fuq dak li kienet qalet Efimova lil Caruana Galizia, li kien hemm miljun dollaru li ġew trasferiti mill-kont bankarju tal-familja Aliyev fl-Ażerbajġan għall-kont ta’ Egrant.

Efimova vs Caruana Galizia

Fost il-kważi 500 xhud, li dehru quddiem il-Maġistrat Bugeja kien hemm Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova infushom. Lill-Maġistrat Efimova kienet qaltlu li dak li kien irrapporta Pierre Portelli fil-ġurnal ‘The Malta Independent’ fit-30 ta’ April tas-sena 2017 ma kienx vera. Kienet saħqet li hija ma kinitx għamlet scan tad-‘declarations of trust’, ma kinitx fetħet is-safe u ma kinitx poġġiethom fuq il-cloud u allura ma kenitx fil-pussess tagħhom. 

Quddiem il-Maġistrat hi kienet sostniet illi dak li kien hemm fl-intervista kien ivvintah Portelli. Caruana Galizia iżda minn naħa tagħha kienet xehedet li Efimova qaltilha li kienet ħadet kopja tad-‘declarations of trust’, b’Efimova iżda baqgħet tiċħad li hija kellha xi kopji għax qalet li wara li rathom poġġiethom lura fis-safe.

F’Jannar tas-sena 2020 Efimova kienet għamlet sejħa biex il-Maltin jikkontribwixxu finanzjarjament bil-għan li jkollha l-fondi neċessarji biex suppost tapplika ħalli tingħata l-istatus ta’ whistleblower għax kienet qalet li riedet li l-kapitlu tal-Egrant jingħalaq. Minn dan l-appell, Efimova irnexxiela tiġbor €15,130 fi żmien disat’ijiem.

Mandat t’arrest Ewropew

Fost l-450 persuna li emmnuwha u tawha donazzjoni kien hemm l-eks membru Parlamentari Nazzjonalista David Thake li għaddilha €100, l-eks Kunsillier Nazzjonalista Wayne Hewitt li offrilha €83, Clemence Dujardin, dak iż-żmien il-mara tal-eks chief of staff ta’ Austin Gatt Manuel Delia li tatha €50 u l-attivist Nazzjonalista u tal-għaqda Repubblika Godfrey Leone Ganado li f’żewġ donazzjonijiet separati kkontribwixxa €60. Kienet tatha wkoll il-flus l-eks Segretarju Generali tal-PN, Rosette Thake. 

Wara li għaddew ħames xhur u ħadd iktar ma sema dwar x’suppost kienet qed tagħmel Efimova, Leone Ganado bagħtilha messaġġ biex jgħidilha li d-donaturi kien qed ikollhom suspetti dwar l-intenzjonijiet veri tagħha. Fit-tweġiba tagħha Efimova waddbet it-tort fuq l-avukati tagħha, mingħajr ma qalet min kienu, waqt li kienet żiedet li jekk xi ħadd ried il-flus lura, hija kienet lesta li tirritornahom. Sal-lum ħadd ma jaf fuq hiex intużaw il-€15,130 li bihom suppost saret whistleblower.

F’Novembru tas-sena 2020 imbagħad, fuq il-bażi ta’ dak li sab il-Maġistrat Bugeja fl-inkjesta, Maria Efimova ġiet akkużata fil-Qorti li ħadet ġurament falz. Ma dan kollu sa dak iż-żmien kienet ilha xhur sħaħ maħruba minn Malta, tant li jeżisti mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tagħha. Minkejja li minn dak iż-żmien għaddew sitt snin, Efimova baqgħet qatt ma inġiebet Malta sabiex tiffaċċja l-ġustizzja. 

Sa ġimgħa ilu hadd ma kien sema iktar mingħand Efimova. Meta fit-2 ta’ Ottubru bagħtet l-imejl tagħha lill-membri Parlamentari Ewropej, ma kinitx taf tagħmel ħlief terġa’ tirrepeti dawk li kienu kkonfermati bħala gideb minn inkjesta Maġisterjali ta’ kważi 1,500 paġna u li damet sejra 15-il xahar.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport