Żagħżugħ ta’ 16-il sena tressaq il-Qorti mixli li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq żagħżugħ ieħor u li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ probation u sentenza sospiża.
Il-każ seħħ nhar id-29 ta’ Ottubru li għadda, meta l-allegat vittma mar jirrapporta fl-Għassa ta’ Bormla li l-imputat, li ismu ma jistax jixxandar peress li għadu taħt l-età, kien tah daqqa ta’ ponn u għamillu xi ġrieħi f’wiċċu.
Il-każ seħħ fiż-żona tal-parkeġġ magħrufa bħala l-Maċina ġewwa l-Isla. Jidher li l-argument bejn iż-żewġ żgħażagħ seħħ wara li kienu ltaqgħu biex jitkellmu fuq xi telefonati anonimi li kienet qiegħda tirċievi l-eks sieħba tal-imputat.
Meta lbieraħ tressaq fil-Qorti, l-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €5,000. Il-Qorti ordnat ukoll biex qabel tingħata s-sentenza, isir pre-sentencing report fil-konfront tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Keith Rizzo flimkien mal-Avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-imputat dehret l-Avukat Leontine Calleja.