Raġel ta’ 33 residenti ż-Żejtun, li ismu ma jistax jixxanda fuq ordni tal-Qorti, tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika fuq martu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li mart l-akkużat kienet ċemplet fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika biex tagħmel rapport dwar dak li kien wettaq żewġha. Skont ir-rapport li għamlet il-mara, il-lejl ta’ qabel kienu ħarġu bħala familja għal attivita. Kien għall-ħabta ta’ nofsillejl li spiċċa kollox u hi ridet tmur lura d-dar, iżda żewġha ried li jibqa’ hemm. Qalet ukoll mal-Pulizija li marret id-dar flimkien ma’ binhom ta’ 3 snin, waqt li t-tifla l-oħra tagħhom ta’ 14-il sena baqgħet barra mal-missier.
Dejjem skont il-vittma, li hekk kif kienet id-dar ċemplitilha binta u qaltilha biex tibgħatilha xi flus biex tkun tista’ taqbad taxi għax missierha ma riedx jitlaq mill-post u hi ridet tinħabar. Meta l-akkużat wasal lura d-dar, kisser il-bieb ta’ barra tal-blokka t’appartamenti fejn jgħixu u beda jargumenta mal-mara.
Il-mara qalet li waqt dan l-argument kellha t-tifel f’idha waqt li l-akkużat beda jagħtiha f’rasha u jiġbidha minn xagħarha. Il-prosekuzzjoni qalet li hi rnexxielha taħrab mill-appartament u marret għand ħutha li jgħixu fl-istess blokka. Qalet li Qalet li oħtha u s-sieħeb tagħha semgħu l-għajjat, u ħarġu jaraw x’ġara. Waqt li oħtha ċemplet lill-Pulizija li marru fuq il-post, is-sieħeb tagħha pprova jifred lill-akkużat u lil martu.
FIl-Qorti ntqal li l-vittma marret klinika fejn irriżulta li sofriet ġrieħi ħfief u sarilha wkoll r-risk assessment li rriżulta li l-mara tinsab f’riskju sever.
Meta mistoqsi xi jwieġeb għal dawn l-akkużi, ir-raġel wieġeb mhux ħati filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. . Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għax minkejja li qalet għadha trid tixhed il-vittma, l-imputat għandu indirizz alternattiv fejn jgħix u għandu fedina penali netta.
Missieru li kien qiegħed fl-awla kkonferma mal-Maġistrat li ibnu jista’ jmur jgħix miegħu u ma’ ommu, filwaqt li zijuh qal li lest jidħol garanti għalih.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, tatu l-ħelsien mill-arrest, b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma javviċinax lil martu, li jiffirma fl-għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa, li jiddepożita s-somma ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 10,000 ewro. Il-Qorti tat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal 4 snin.
L-imputat kien assistit mill-avukati Franco Debono u Adriana Zammit.