Sunday, April 14, 2024

ŻEWĠ ESPERJENZI SBIEĦ

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Illum xtaqt naqsam magħkom żewġ esperjenzi sbieħ li kelli fil-jiem li għaddew. L-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u t-tnedija tal-11-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Volontiera organizzat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.

Il-ftehim kollettiv tal-MCCAA jkopri madwar 130 ħaddiem. Ħaddiema rappreżentati minn żewġ unions, il-GWU u l-UĦM. It-tnejn b’għan wieħed, it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema membri tagħhom. Jista’ jkun li jkollhom il-metodi differenti li bihom jippruvaw jaslu għall-għan aħħari, imma finalment kienet ħidma kollettiva. 

Dak li ħadt gost bih immens huwa li tali ftehim joffri għajnuna għal żvilupp professjonal kontinwu. Joffri wkoll l-opportunitajiet biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jattendu għal korsijiet fuq bażi regolari biex ikunu jistgħu jkattru aktar il-ħiliet u l-għarfien edukattiv tagħhom.

Huwa ftehim li joffri sfida lill-ħaddiema biex ma jieqfux, ma jikkuntentawx b’dak li diġà jafu. Għax ladarba l-ħajja minnha nnifisha hija sfida kontinwa hekk ukoll trid tkun ir-reazzjoni għaliha. Reazzjoni li finalment tikseb u tingħata għarfien minn min iħaddem bir-riżultat ikun wieħed doppju. Riżultat li filwaqt li jrrifletti l-prosperità, il-benesseri tal-ħaddiema, ikun jirrifletti wkoll l-effiċjenza tal-operat tal-entità, kumpanija, awtorità, li minnha jiffurmaw parti l-ħaddiema tagħha. Minn dan kollu finalment igawdi wkoll, kif xieraq, il-konsumatur.

Il-karrieri li qegħdin nesperjenzaw illum jitolbu aġġornament kontinwu. L-edukazzjoni li qegħdin jingħataw uliedna hija l-ingranaġġ ewlieni fit-tħaddim ta’ tali żvilupp. Kemm kienet għaqlija u ta’ benefiċċju l-miżura li ħa Gvern Laburista meta għamilha ferm aktar possibbli biex partikolarment il-mara tkompli bil-karriera tagħha waqt li tkun qed titrabba l-familja tagħha. Semmejt il-mara b’mod partikolari għax miżuri bħalma huma ċ-Child Care b’xejn, il-flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol, il-possibiltà li taħdem mid-dar, huma miżuri li reġgħu fetħu l-bibien beraħ biex il-mara tista’ tkompli bil-karriera tagħha minkejja li l-familja tkun għadha bi tfal żgħar.

Biex ikun apprezzat dan kollu ma tistax ma tfakkarx iż-żminijiet fejn il-mara kienet titwaqqaf milli tkompli taħdem sempliċiment għax iżżewġet. Ara kemm investiment edukattiv li jkun sar ikun qiegħed litteralment jinħela jekk ma jkunx kumplimentat minn miżuri bħal dawk li jaħseb għalihom il-ftehim kollettiv li rreferejt għalih u li b’sodisfazzjon attendejt għall-iffirmar tiegħu bħala responsabbli mill-Ministeru li mid-dekasteru tiegħu tifforma parti l-MCCAA.

It-tieni esperjenza sabiħa fil-jiem li għaddew kienet it-tnedija tal-11-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Volontiera. Għandna biex inkunu kburin bil-livell ta’ volontarjat li għandna f’pajjiżna, tista’ liberament tgħid li l-volontarjat ssibu f’kull belt u raħal tagħna. F’diversi oqsma. Ħafna drabi jipprovdi servizzi li jkunu ta’ spalla kbira għal dak li jkun qed joffri l-istat fil-qasam partikolari. B’hekk ikun ta’ għajnuna kemm mill-aspett soċjoekonomiku kif ukoll fl-iżvilupp innovattiv u ta’ inklużjoni tal-pajjiż.

Il-Premju Nazzjonali tal-Volontiera, li minn din is-sena ġie żviluppat b’ħames premjijiet oħrajn, m’għandnix inħarsu lejh biss bħala rikonoxximent għall-ħidma volontarja riflessa f’dedikazzjoni għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor jew ta’ xi kawża ġusta. Għandna nħarsu lejh ukoll mil-lenti ta’ ispirazzjoni. Ispirazzjoni għal ħaddieħor biex jitwassal jipparteċipa u jikkontribwixxi hu jew hi wkoll. Tali kontribut, tali parteċipazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, tgħin biex tkompli titkattar fina l-kultura ta’ għajnuna għal xulxin. Kultura li tikkontribwixxi bil-kbir biex is-soċjetà Maltija ta’ għada tkun aħjar minn dik tal-lum.

Meta tikkonsidra li f’pajjiż żgħir bħalna għandna reġistrati madwar 1,800 għaqda volontarja, li bejniethom ikopru eluf ta’ volontieri, għandna verament biex inkunu kburin.

Bħala Gvern qegħdin nirrikonoxxu dan kollu b’modi konkreti kif elenkati fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista Elezzjoni Ġenerali Marzu 2022 fil-kapitlu ‘Is-settur tal-volontarjat’ riflessi f’seba’ proposti primarji. Programm li r-riżultat elettorali ttrasformah fi programm ta’ ħidma tal-Gvern u bil-Prim Ministru Robert Abela sal-Ħadd li għadda stess f’Raħal Ġdid jiddeskrivih bħala ‘il-bibbja’ ta’ ħidmet il-Gvern. Personalment inħossni kburija li ġejt fdata b’Ministeru li l-qasam tal-volontarjat jifforma parti mid-dekasteru tiegħu. Irrid pubblikament inrodd il-ħajr lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qegħdin jagħtu sehemhom biex ikompli jiffjorixxi fostna l-valur tal-volontarjat.

Ekonomija

Sport