Il-Klabb tal-Boċċi ta’ Ħal Għaxaq kiteb paġna ġdida fl-istorja tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi hekk kif, għall-ewwel darba mill-bidu tal-kompetizzjoni fl-1988, żewġ timijiet mill-istess klabb se jiltaqgħu fil-finali tal-Knock Out 2×2.
It-tim Come Back kiseb postu fil-finali wara rebħa ta’ 21-7 kontra Ramel ta’ San Ġwann, filwaqt li Tal-Grazzja ta’ Għaxaq għelbu lil Tal-Grazzja ta’ St Peter’s Żabbar 21-8 fit-tieni leg tas-semifinali.
Il-finali storika se tintlagħab nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru fil-pitch ta’ Marsamxett, bir-referee li se jkun Dillon Abela, assistit minn Redeemer Azzopardi.
Sadanittant, illum l-Erbgħa tkompli l-kompetizzjoni Knock Out 3×3, magħrufa bħala t-Tazza tal-Anġlu, bit-tieni leg tas-semifinali bejn Żejtun (Sandro ta’ Cancu) u Żurrieq (Guy). Żejtun rebħu l-ewwel konfront 21-3.
Il-logħba tibda fis-6.30pm fil-pitch taż-Żejtun, fejn ir-rebbieħa jiksbu post storiku fil-finali.




