Żewġ Albaniżi nżammu arrestati, wara li kienu mixlija fil-Qorti b’sensiela ta’ serq minn djar f’Malta. Iż-żewġ irġiel, ġew arestati fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ġewwa l-Ajruporrt Internazzjonali ta’ Malta.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-arrest tagħhom segwa diversi xhur ta’ investigazzjonijiet b’rabta ma’ diversi serqiet minn djar. Huma ġew mixlija li serqu 3 residenzi fis-Swieqi, żewġ residenzi fir-Rabat u tnejn oħra fil-Mellieħa u dar f’Wied il-Għajn, San Ġwann, in-Naxxar u l-Mosta.
Mill-istħarriġ li sar irriżulta li l-persuni involuti jiffurmaw parti minn grupp internazzjonali ta’ kriminalità organizzata. Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech iż-żewġ Albaniżi, Sinan Gega ta’ 46 sena u Kociu Silver ta’ 33 sena wieġbu mhux ħatja, bid-Difiża ma tagħmel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Meta l-Pulizija Maltija uriet ir-ritratti tad-deheb lill-vittmi dawn ikkonfemaw li d-deheb kien tagħhom. Ingħad li l-Pulizija Maltija kienet infurmata wkoll li ż-żewġ akkużati kienu qabdu titjira lura lejn Malta u kien għalhekk li stenniethom u arrestathom fl-ajruport.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Clive Aqulina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Christine Delia.
L-Avukati Karl Micallef u Francesca Zarb dehru għaż-żewġ akkużati.