Żewġt irġiel u tifel fil-periklu tal-mewt wara li dgħajsa inkaljat mas-Sikka s-Safra 

Aqra wkoll

Żewġt irġiel u tifel, kollha Maltin, jinsabu fil-periklu tal-mewt wara li d-dgħajsa kienu abbord fuqha inkaljat mal-blat fis-Sikka s-Safra, fil-limiti tal-Magħtab. 

Il-kelliem għall-Pulizija qal lill-midja li kienu għall-ħabta tas-7:15pm meta ntalbet l-assistenza, fejn minnufih marret il-Pulizija flimkien ma’ membri mill-Armata u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u skattat operazzjoni ta’ salvataġġ delikata. 

Kienu n-nies li għaddejjin minn Triq il-Kosta li għamlu r-rapport, wara li raw numru ta’ flares tilgħin minn dawk abbord fuq id-dgħajsa li kellha bżonn l-għajnuna.

Abbord id-dgħajsa kien hemm it-tliet persuni, li kollha nstabu mitlufin minn sensihom.

It-tliet persuni ttelgħu fuq l-art permezz ta’ operazzjoni delikata mill-Forzi Armati u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. B’dawn ingħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.

L-uffiċjali tal-Pulizija qed jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom fuq is-Sikka s-Safra, fejn inkaljat id-dgħajsa, biex ikun stabbilit x’ġara biex seħħ dan l-aċċident. B’dawn qed ikunu assistiti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, anki permezz tad-drone.

Aktar kmieni: Tifel fost il-persuni midrubin l-inċident f’Baħar iċ-Ċagħaq

Kien għall-ħabta tas-7.00pm meta s-servizzi tal-Emerġenza ġew informati li kien hemm żewġ dgħajjes li ħabtu ma’ sikka ‘l barra minn Baħar iċ-Ċagħaq.

Sorsi qalulna li wieħed mill-persuni midrubin hemm tifel li sofra ġrieħi gravi ħafna.

Aktar dettalji kif ikollna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport