Saturday, May 4, 2024

Żewġt itfal f’Tennessee ddaħħlu l-isptar minħabba skarsezza tal-formula tat-trabi

Aqra wkoll

Żewġt itfal f’Tennessee li qegħdin fuq dieta partikolari, dan ix-xahar iddaħħlu l-isptar minħabba li fl-Amerka kien hemm nuqqas ta’ formula tat-trabi partikolari li jagħmlu użu minnha dawn iż-żewġ individwi.

Iż-żewġt itfal — persuna ta’ ħames snin u oħra ta’ tmien snin, iddaħħlu f’Le Bonehur Children’s Hospital f’Memphis iktar kmieni din il-ġimgħa. Fi stqarrija, il-Kap tal-pedjatrija, Dr Mark Corkins, qal li “Dawn it-tfal ibatu minn kundizzjoni tas-saħħa li ma tħallix lil ġisimhom ikisser l-ikel kif suppost u għalhekk jeħtieġu formula b’amino acid speċjali”. Huwa kompla jispjega kif ġisimhom ma setax jidra l-formula l-ġdida u għalhekk dan wassal biex jingħataw trattament meħtieġ.

Wieħed/waħda mit-tfal intbagħat/intbagħtet lura d-dar nhar it-Tlieta li għadda filwaqt li t-tifel/tifla l-ieħor/l-oħra baqa’/baqgħet l-isptar għal iżjed kura minħabba li nqalgħu xi kumplikazzjonijiet sforz nuqqas ta’ nutrijenti li qabel kienu qed jiksbuhom minn din il-formula.

Mid-dehra, il-formula li kienu jużaw dawn it-tfal kienet tinħadem minn fabbrika tal-kumpanija Abbott. Din il-ġimgħa ntlaħaq ftehim sabiex il-fabbrika ta’ din il-kumpanija — li bħalissa tinsab magħluqa, terġa’ tibda topera. Huwa stmat li l-kumpanija teħtieġ bejn sitt u tmien ġimgħat sabiex tkun tista’ tlaħħaq mal-produzzjoni tas-soltu u biex tqassam il-formula fil-ħwienet.

Sport