Wednesday, April 24, 2024

NORMALITÀ EKONOMIKA ĠDIDA

Aqra wkoll

Bis-saħħa ta’ dak li għaddiet minnu d-dinja fl-aħħar sentejn u nofs, il-frażi “normalità ġdida” tista tgħid qegħda fuq fomm kulħadd u sirna nżiffnuha f’kull suġġett illi niddiskutu. Hekk kif il-pandemija bdiet tieħu kontroll tad-dinja spiss konna bdejna nsemmu kif il-ħajja kwotidjana u soċjali kif konna nafuha ser tkun ferm differenti. Illum il-ġurnata illi din il-burraxka donnha qed nixħtuha warajna, qed nifhmu iżjed xi tfisser din il-frażi; qed nirrealizzaw illi normalità ġdida, kontra ta’ dak li bassru xi wħud, ma tfissirx it-tmiem tar-rutina u tal-ħajja soċjali u kulturali kif konna nafu qabel. Bis-saħħa tal-għaqal li bih tmexxa dan il-pajjiż fl-aħħar sentejn, normalità ġdida tfisser lura lejn id-drawwiet ta’ qabel bi ftit iżjed kawtela. U dan il-kunċett ta’ pożittività b’kawtela ma japplikax biss għall-irkupru tal-aspett soċjali iżda wkoll għall-irkupru ekonomiku li issa wkoll donnu qabad sew ir-rankatura mistennija. 

Bla dubju ta’ xejn fl-għeqqel tal-pandemija, hekk kif bdejna naraw l-infieq tal-gvern jisplodi sabiex iwieżen il-familji u n-negozji filwaqt li d-dħul jonqos drastikament minħabba t-tnaqqis fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi, fost il-ħafna biżgħat li kellna, ilkoll konna ġenwinament inkwetati li deħlin f’riċessjoni liema bħalha. Ħafna wkoll ma setgħux jifhmu għalfejn fl-eqqel ta’ pandemija l-gvern baqa’ jinvesti u jinċentiva. Biex tkompli tikkumplika l-istorja, hekk kif beda jidher ftit bnazzi minn din il-pandemija dlonk reġa’ beda dieħel is-sħab griż ta’ gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa u l-effetti li din ser tħalli anke fuq ekonomija li kienet għaddejja minn perjodu delikat. 

Dlonk smajna min ibeżżana dwar kif Malta rreġistrat l-ogħla defiċit fl-Unjoni Ewropea kollha u għaldaqstant ser niddaħħlu fil-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv b’mod obbligatorju u ġej fuqna perjodu ta’ awsterità u tbatijiet kbar. Tiskanta kif dan it-tbassir kien ġej mill-istess klikka li darba kienu qalulna li Labour won’t work, li l-qagħad ser jisplodi u li ser nidħlu gass down ġol-ħajt! Imma ma ttihomx tort ibassru hekk, għax fi żmien ta’ kriżi internazzjonali ferm inqas katastrofika minn li għaddejna u għadna għaddejjin minnhom, l-unika soluzzjoni kienet l-awsterita’. Eventwalment, bis-saħħa ta’ dik l-awsterità l-ekonomija staġnat u kienu huma li daħħluna fil-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv. Għadhom ma jistgħux jifhmu kif jista’ jkun illi ekonomija li tinċentiva lill-familji u n-negozji tirranka ferm iżjed malajr minn dik li tissikka lill-istess familji u negozji. 

B’mod paralleli mat-tbassir ta’ awsterità u biża’, bdejna nisimgħu tbassir mill-Kummissjoni Ewropea illi pajjiżna ser ikollu l-iktar tkabbir ekonomiku b’saħħtu mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. L-istess Unjoni Ewropea li ħaddieħor qalilna ser iddaħħalna f’awsterità obbligatorja! Nifhem illi dan huwa kollu tbassir u ssib min jgħidlek la naraw it-tbassir jimmaterjalizza nitkellmu. U hekk qed jiġri! Din il-ġimgħa stess, ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jispjega kif is-sena li għaddiet filwaqt li r-rata medja tat-tkabbir fl-UE kienet ta’ ftit iżjed minn 5%, dik ta’ pajjiżna qabżet id-9%. Skont l-istess rapport, dan l-irkupru ekonomiku b’saħħtu wassal ukoll biex kiber is-suq tax-xogħol, żdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg u għaldaqstant kompla jonqos il-qagħad. Filwaqt illi l-Bank Ċentrali jirrapporta illi s-sitwazzjoni ekonomika għadha xi ftit jew wisq sensittiva għal dak kollu li għaddejja minnu l-Ewropa u d-dinja, isemmi wkoll kif bis-saħħa tal-irkupru ekonomiku b’saħħtu d-dejn nazzjonali baqa’ taħt is-60%, avolja l-previżjonijiet kienu illi dan ser jinqabeż. 

Din il-ġimgħa stess, fir-rapport tar-rebbiegħa dwar il-previżjonijiet ekonomiċi l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat dak kollu li ġie rrappurtat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Tant hu hekk, illi l-previżjonijiet tal-istess Kummissjoni huma li l-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna ser jibqa’ wieħed mill-iktar b’saħħithom kemm f’din is-sena li qegħdin fiha kif ukoll għas-sena li ġejja! Il-Kummissjoni Ewropea tirrapporta kif waħda mill-isfidi li pajjiżna għandu mhijiex il-qagħad imma n-nuqqas ta’ ħaddiema biex isostnu l-istess tkabbir ekonomiku! 

Rapport ieħor illi ħareġ riċentament kien dak tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch, fejn semmiet kif sa issa l-familji Maltin huma l-inqas affettwati mill-isfidi illi l-gwerra fl-Ukrajna qed tħalli waraha. Filwaqt illi l-inflazzjoni f’pajjiżna bħalissa hija inevitabbilment ogħla mis-snin ta’ qabel, dan huwa notevolment taħt kontroll meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra madwarna. Dan bis-saħħa tal-politika tal-gvern illi jerġa’ jwieżen lil familji u n-negozji fl-agħar tal-pandemija. Huwa bis-saħħa ta’ din il-politika illi l-ekonomija mhux talli mhux tistaġna talli qed tkompli tikber waqt żmien ta’ sfidi kbar. 

Huwa għalhekk illi normalità ekonomika ġdida tfisser pożittività b’kawtela u sostenn. Normalità ġdida tfisser illi l-politika tal-gvern li jinvesti, jwieżen u jinċentiva hija dik illi ser inkomplu naraw fiż-żmien li ġej. L-istess kawtela u sostenn li ħarġuna minn djarna wara l-pandemija ser ikunu l-istess kawtela u sostenn li bihom pajjiżna jkompli jimxi ’lquddiem. 

Sport