Saturday, May 4, 2024

Żieda sostanzjali fl-indiċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi għal Malta

Aqra wkoll

L-isforzi ta’ Malta fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul din l-aħħar sena wasslu għal żieda fil-punteġġ tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi għal pajjiżna li ġie mħejji mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).

Filwaqt li qal li il-punteġġ għal pajjiżna issa żdiet b’1.6., il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici qal li l-isforzi u l-miżuri tal-Gvern f’dan li għandu x’jaqsam mal-ugwaljanza bejn is-sessi qed iwasslu għal titjib. Huwa assigura li bħala Gvern se jibqgħu jaħdmu għall-futur aħjar.

Intant, fi stqarrija, iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv tad-Drittijiet tan-Nisa, Claudette Abela Baldacchino faħħret l-isforzi ta’ Malta fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

Hija qalet li ta’ min jinnota li għalkemm Malta tiklassifika fit-13-il post fl-UE u għandna punteġġ ta’ 65 punt minn 100, li huwa ftit inqas mill-medja tal-UE, mill-2010 ‘l hawn, rajna żieda ta’ 10.6 punti, li wassal sabiex tlajna ħames postijiet fil-klassifika. 

Osservat ukoll li t-tema tal-Indiċi 2021 hija s-saħħa u innotaw b’sodisfazzjon kbir li l-punteġġ ta’ Malta huwa l-ogħla fil-qasam tas-saħħa, fejn aħna nikklassifikaw fit-tieni post fost l-istati Membri kollha filwaqt li nikklassifikaw l-1 fost l-Istati Membri kollha fis-subdominju tal-aċċess għal servizzi tas-saħħa b’punteġġ ta’ 99.8 punti. 

Hija temmet tgħid li għalkemm għad irid isir ħafna xogħol, ġew rikonoxxuti l-isforzi għall-ugwaljanza bejn is-sessi f’Malta u dan jawgura tajjeb għall-ħidma għax-xhur li ġejjin. 

Sport