Thursday, April 25, 2024

10 medjaturi ġodda jingħataw il-warrant

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ippreżenta l-warrants lil 10 medjaturi ġodda wara li temmew kors akkademiku u wrew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw l-irwol ta’ medjaturi.

F’ċerimonja fil-Berġa ta’ Aragon, il-Ministru Attard awgura lill-medjaturi l-ġodda u rringrazzjahom talli għażlu jkunu ta’ servizz lil dawk li jirrikorru għandhom biex iwassluhom għal qbil b’metodu mhux kontenzjuż, fi żmien raġonevoli u b’inqas spejjeż.

“Permezz tal-għotja ta’ dawn il-warrants qed inwettqu wegħda elettorali oħra billi komplejna nżidu l-medjaturi, u kommessi li nkomplu naħdmu u nikkunsidraw aktar inizjattivi li jsaħħu s-settur tal-medjazzjoni,” saħaq il-Ministru Attard.

Il-ministru spjega wkoll li fl-aħħar sena, il-baġit allokat għaċ-Ċentru tal-Medjazzjoni żdied b’50% biex dan ikompli jimmodernizza ruħu u jkun ta’ għodda biex jiġu evitati kawżi kontenzjużi quddiem il-Qrati tagħna.

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll miċ-Chairperson tal-Bord tad-Diretturi taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni Dr Vince Micallef li tkellem dwar il-ħidma li qed titwettaq mhux biss fl-implimentazzjoni tal-proposti tal-manifest elettorali tal-gvern u t-tfassil ta’ proposti għal tibdil leġiżlattiv, imma wkoll b’inizjattivi biex ikompli jiġi promoss dan is-settur.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea, ir-Reġistratur taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni Romuald Attard, u l-Bord tad-Diretturi.

Sport