18-il mewta kawża ta’ nirien mill-batteriji tar-roti elettriċi

Aqra wkoll

Skont data ġdida li ġiet pubblikata dan l-aħħar, tmintax-il persuna tilfu ħajjithom u kważi 700 oħra ndarbu f’nirien li ġew ikkawżati minn roti elettriċi (e-bikes) u skuters elettriċi (e-scooters). Dawn il-każijiet fatali li kienu rreġistrati mis-servizzi tat-tifi tan-nar u tas-salvataġġ seħħew madwar ir-Renju Unit.

B’riżultat ta’ dawn in-nirien, il-fatalitajiet jinkludu sitwazzjonijiet fejn nies inqabdu fi djar li kienu qed jinħarqu, mietu waqt li ppruvaw jaħarbu minn nirien billi qabżu minn twieqi u galleriji għoljin, jew mietu minħabba li belgħu  duħħan valenuż.

Din id-data turi wkoll li bejn l-2019 u l-2025, kienu rrappurtati aktar minn 2,000 każ ta’ nirien ikkawżati minn roti elettriċi, skuters elettriċi jew il-batteriji tagħhom.

L-informazzjoni li ħarġet turi wkoll li n-numru ta’ inċidenti żdied minn sena għall-oħra u li kważi nofs dawn in-nirien bdew fi djar jew fi garaxxijiet.

L-Assistent Kummissarju tal-London Fire Brigade, Pam Oparaocha, stqarret li s-servizz tat-tifi tan-nar huwa dejjem aktar imħasseb dwar ir-riskji sinifikanti ta’ nirien li jistgħu joħolqu wħud minn dawn il-vetturi.

Mill-investigazzjonijiet sar magħruf li ħafna min-nirien li s-servizz intervjena fihom kienu jinvolvu vetturi użati jew roti elettriċi li kienu ġew modifikati bl-użu ta’ partijiet mixtrija online.

Filmati ta’ nirien ikkawżati minn roti u skuters elettriċi jindikaw kemm dawn il-vetturi jistgħu f’daqqa waħda jibdew joħorġu d-duħħan u mbagħad jisplodu u b’hekk jikkawżaw nirien li jinfirxu fi ftit minuti.

Skont l-Assoċjazzjoni tal-Biċikletti, l-organizzazzjoni rappreżentattiva tal-industrija taċ-ċikliżmu, mill-2020 ‘l hawn żdiedu medja ta’ 153,000 roti elettriċi ġodda fit-toroq tar-Renju Unit kull sena.

Il-prezz ta’ rota elettrika ġdida fir-REnju Unit ivarja bejn madwar £400 u £4,000 minn ħwienet magħrufa bħal Halfords jew Decathlon, filwaqt li vetturi użati u kits għall-konverżjoni ta’ roti f’roti elettriċi (li mhumiex regolati) jistgħu jinstabu fuq pjattaformi tal-bejgħ onlajn bi prezzijiet li jibdew minn £150.

Kull batterija tal-jonju tal-litju mibjugħa fir-Renju Unit għal dawn il-vetturi trid tissodisfa r-rekwiżiti tas-sigurtà stabbiliti mill-gvern, li jiżguraw li l-batteriji jistgħu jiġu ċċarġjati b’mod sigur, ma jisħnux iżżejjed u jkunu protetti mill-ħsara.

Skont id-dejta miġbura, jidher ukoll li l-għadd ta’ nirien ikkawżati minn batteriji ta’ roti u scooters elettriċi f’dawn l-aħħar sitt snin żdied b’mod drastiku, minn 32 fl-2019 għal 605 każi fl-2025,.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport