L-uffiċjali tal-Animal Welfare fis-sigħat li għaddew wettqu rejd f’residenza f’Birkirkara fejn ġew ikkonfiskati 20 kelb li allegatament kienu qegħdin jinżammu fi stat ħażin. Dan ir-rejd seħħ wara jiem ta’ investigazzjoni u l-klieb ittieħdu fil-kustodja tal-Animal Welfare fejn qed isirulhom aktar testijiet neċessarji biex ikunu jistgħu jingħataw il-kura meħtieġa.
Din l-operazzjoni, li għandna għax nifhmu li kienet waħda delikata u estensiva, saret b’mod konġunt bejn l-uffiċjali tal-Animal Welfare flimkien mal-uffiċjali tal-Pulizija. L-investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ għadha għaddejja.
F’kummenti ma’ dan is-sit, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said laqgħet b’sodisfazzjon il-konfiska ta’ 20 kelb minn residenza privata li allegatament kienu miżmuma fi stat ħażin.
“Din hija waħda mill-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li jwettqu b’mod regolari l-Animal Welfare. Dejjem konna u se nibqgħu nissieltu sabiex inwaqqfu lil min qiegħed jitratta ħażin lill-annimali u/jew jużahom għal skopijiet ulterjuri.”
Hija nsistiet li mhux se jkun hemm tolleranza għal min iwettaq reati simili u se jintalbu pieni eżemplari permissibbli mil-liġi.