2026: Żieda ta’ 800,000 passiġġier bil-fast ferry 

Sal-aħħar tas-sena, huwa stmat li żewġ miljun passiġġier se jkunu użaw il-fast ferry, meta mqabbla ma’ 1.2 miljun passiġġier fl-2025

Aqra wkoll

Il-popolarità tal-ivjaġġar bil-Fast Ferry kompla jikber matul l-2026, tant li sal-aħħar tas-sena huwa mistenni li jkunu użaw dan il-mezz tat-trasport xejn inqas minn żewġ miljun passiġġier. Dan jimmarka żieda konsiderevoli mit-total ta’ 1.2 miljun passiġġier li użaw il-Fast Ferry fl-2025. 

Notevoli huwa l-fatt li fl-2026, minn Mejju, bdiet topera rotta ġdida – jiġifieri dik li titlaq minn Tas Sliema, tieqaf Buġibba u tkompli għal Għawdex. 

Sal-aħħar ta’ Settembru kienu diġà saru 7,419-il vjaġġ fuq ir-rotta Belt Valletta – Għawdex, filwaqt li huwa mistenni li jsiru madwar 3,000 vjaġġ ieħor sal-aħħar tas-sena. 

Sal-aħħar ta’ Settembru kienu saru 6,646 vjaġġ bil-Fast Ferry fuq ir-rotta Tas-Sliema – Buġibba – Għawdex. Sal-aħħar tas-sena huwa mistenni li jsiru madwar 4,000 vjaġġ ieħor.  Din ir-rotta bdiet topera nhar il-5 ta’ Mejju li għadda. 

Fuq ir-rotta Kottonera – Belt Valletta, din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru kienu diġà saru ftit inqas minn 14,000 vjaġġ, b’4,588 oħra stmati li se jkunu saru sal-aħħar tal-2026.

Fl-2025 kienu saru total ta’ kważi 19,000 vjaġġ. 

F’kummenti mat-Torċa, il-Ministru għall-Mobilità Sostenibbli Chris Bonett saħaq dwar l-importanza ta’ din l-alternattiva kruċjali fil-qasam tat-trasport u l-mobilità. Żied jgħid li l-Gvern ma bediex dawn it-tliet rotot u waqaf hemm: 

“Aħna bqajna nisimgħu u naraw x’inhi s-sitwazzjoni ta’ kull rotta u anke nisimgħu l-ilmenti ta’ diversi passiġġiera.  Fosthom kien hemm min ilmenta li s-servizz minn Tas-Sliema għal Għawdex kien qed jispiċċa kmieni wisq filgħaxija u allura ma kienx vijabbli għalihom.” 

Huwa kompla jirrimarka li dan kollu waslu sabiex iħabbar l-estensjoni tas-servizz għas-sajf u żvela kif “fil-ġimgħat li ġejjin se nħabbru wkoll l-estensjoni għax-Xitwa, speċjalment għas-servizz matul il-jum biex inħeġġu aktar nies iħallu l-karozza d-dar meta jmorru għax-xogħol.”

Mat-Torċa l-Ministru Bonett ħabbar ukoll li bħalissa għaddejjin diversi studji u diskussjonijiet dwar rotot oħra ġodda tal-Fast Ferry, fosthom dawk ċirkolari, fuq distanzi iżgħar, b’dgħajjes iżgħar, bħal minn Tas-Sliema għal San Ġiljan. 

Fil-programm elettorali tal-Partit Laburista ‘Int Malta’ huwa propost li s-servizz tal-Fast Ferry jibda jopera min-nofsinhar ta’ Malta wkoll – iġifieri minn Wied il-Għajn sal-Belt Valletta. 

“Il-ferries huma parti importanti mill-proġett Malta in Motion,” qal il-Ministru għall-Mobilità Sostenibbli li fakkar illi din hija sistema sħiħa; mit-trasport pubbliku sal-fast ferry, l-użu tat-trasport bħar-roti u s-sistema ta’ trasport tal-massa (light rail).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport