F’risposti għall-mistoqsijiet tat-Torċa dwar akkużi mill-Oppożizzjoni fuq il-proġett Malta in Motion, il-Ministru Bonett akkuża lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li qed tipprova tqarraq meta titkellem dwar il-proġett tal-Malta in Motion, għax qal li kemm il-Ministru tal-Finanzi kif ukoll hu qed jgħidu l-istess ħaġa: jiġifieri li għaddejjin l-istudji u ladarba jkunu lesti, il-Gvern jippreżenta kollox lill-pubbliku.
“Erġajt fakkart fil-Parlament u se nerġa’ nfakkar: L-istudji se jdumu sentejn u din mhux illum qed ngħidha, qiegħda fil-Malta in Motion Plan li żvelajna f’April li għadda. Qegħdin konsistenti ma’ dak li għidna u ktibna iswed fuq l-abjad” kompla jisħaq.
Fakkar li l-istudji dwar dak li ddeskriva bħala “l-akbar proġett li qatt sar fil-pajjiż” se jkunu ħolistiċi, u se jħarsu lejn kull aspett tal-proġett – mill-investiment meħtieġ sal-mudell li l-aktar li jista’ jaħdem f’Malta.
Saħaq dwar l-importanza tal-istudji biex ma jerġax jiġri dak li kien iseħħ taħt Gvern Nazzjonalista.
“Il-PN se jiġi jagħtina l-lezzjonijiet dwar proġetti? Tiftakru kemm dam u kemm inbiddlu l-pjanijiet u kemm mar żmerċ il-budget tal-Isptar Mater Dei? U fuq il-proġett tal-Parlament, in-nefqa kienet ta’ €45 miljun u minflok ġie jiswa €30 miljun. U lil min tahom dawn il-flus? €6.5 miljun Gvern Nazzjonalista tahom lil Renzo Piano proprju biex jagħmel l-istudji,” kompla jirrimarka l-Ministru Bonett.
Appella għalhekk għas-serjetà u għamilha ċara li Gvern Laburista mhux se jaċċetta overshoot fl-ispiża tal-proġett “għax indaħħlu lil Malta f’ħajt.”
Temm iwiegħed li meta jkunu lesti l-istudji, se jitressqu quddiem il-poplu Malti u Għawdxi.

