Investiment ta’ €20.5 miljun, b’225 proġett approvat biex il-fondi Ewropej joħolqu aktar opportunitajiet għan-nies

Aqra wkoll

Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-investiment fin-nies permezz tal-fondi Ewropej, b’225 proġett approvat taħt l-Erasmus+ u l-European Solidarity Corp li ngħataw lil aktar minn 170 organizzazzjoni, waqt iċ-ċerimonja ta’ għotjiet organizzata mill-Aġenzija għall-Programmi tal-unjoni Ewropea (EUPA). Dan l-investiment jammonta għal madwar €20.5 miljun.

Dawn il-proġetti se joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim, taħriġ, volontarjat, u kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li jsaħħu l-ħiliet u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji. 

Waqt din iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, saħaq li l-interess rekord f’dawn il-programmi jirrifletti l-għarfien li dejjem qed jikber tal-opportunitajiet li joffru lill-iskejjel, lill-edukaturi, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, għaqdiet sportivi, u dawk volontarji. “Il-kejl veru tas-suċċess jinsab fl-opportunitajiet li noħolqu għan-nies, u kull ewro jrid jissarraf f’ħiliet ġodda, f’organizzazzjonijiet aktar b’saħħithom u f’komunitajiet li jimxu `l quddiem,” saħaq il-Ministru Azzopardi Tanti. Huwa għalaq billi qal li l-Gvern jibqa’ kommess li aktar ċittadini jibbenefikaw minn dawn il-programmi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-EUPA, is-Sur Raphael Scerri, ħeġġeġ lil dawk li għadhom ma ħadux sehem biex jifhmu li Erasmus + mhuwiex biss programm ta’ finanzjament, iżda huwa “opportunità biex niftħu bibien ġodda għat-tagħlim, biex nibnu sħubijiet Ewropej b’saħħithom u biex nagħtu lill-istudenti tagħna l-aqwa preparazzjoni possibbli għall-futur.” Is-Sur Scerri fakkar li s-sejħa li jmiss tagħlaq fi Frar tal-2027 u wera x-xewqa tiegħu li jara aktar organizzazzjonijiet u skejjel jipparteċipaw f’dawn il-programmi.

Iċ-ċerimonja enfasizzat il-valur tal-kooperazzjoni Ewropea bħala għodda li tiftaħ bibien ġodda għall-istudenti, għall-edukaturi u għall-komunitajiet. Permezz ta’ dawn il-proġetti, il-parteċipanti jistgħu jiksbu esperjenzi internazzjonali, jaqsmu prattiki tajbin u jsaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

B’ħarsa lejn il-programmi Ewropej għall-perjodu 2028–2034, il-Gvern se jkompli jaħdem biex Malta tassigura aktar opportunitajiet fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fl-isport u fil-volontarjat. L-għan jibqa’ li l-fondi Ewropej jissarrfu f’benefiċċji konkreti għan-nies u f’soċjetà aktar inklużiva. Dan huwa investiment li jagħti lill-individwi l-għodod biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u jikkontribwixxu b’mod aktar attiv għall-futur tal-komunitajiet u ta’ pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport