Jekk nieħu x’qed jiġri fi Franza naraw li fl-aħħar sigħat f’Pariġi u bliet oħra kbar bħal Toulouse u Lyon saru protesti kbar u li spiċċaw vjolenti. Il-protesti spiċċaw b’konfronti bejn id-dimostranti u l-Pulizija. Il-protesti ngħaqdu mal-moviment tal-Yellow Vests (Gilets jaunes), li kien sar magħruf fl-2018 minħabba r-rabja dwar il-prezzijiet u l-inġustizzja soċjali. F’ħafna każi l-Pulizija użat gass tad-dmugħ u kanuni tal-ilma kontra gruppi vjolenti. Kien hemm karozzi u kontenituri jaqbdu, ħwienet imkissrin u xi stazzjonijiet tal-metro magħluqin.
F’Marsilja saru ħsarat f’xi ħwienet u f’għassa tal-Pulizija muniċipali. Dimostranti daħlu wkoll għal ftit ħin fid-daħla tal-muniċipju. Ġew irrappurtati wkoll inċidenti f’Toulouse, Angers, Rennes, Montpellier u Grenoble.
Hu stmat li f’dawn il-protesti ipparteċipaw bejn 500,000 u 800,000 persuna. Ħafna dimostranti spiċċaw ġew arrestati. Il-President Emmanuel Macron appella għall-kalma, filwaqt li l-Prim Ministru Sébastien Lecornu qal li l-gvern mhux se jkun intimidat bil-vjolenza.




