Saturday, August 8, 2026
0
2

JAMES TRAFFORD – Leeds United iffirmaw lill-goalkeeper ta’ Manchester City, James Trafford, 23 sena, fi ftehim li jiswa sa £45 miljun. Huwa telaq mill-Etihad Sta­dium sena biss wara li rritorna minn Burnley bi trasferiment ta’ £27 miljun fis-sajf li għadda. Trafford, li kien parti mill-iskwadra tat-Tazza tad-Dinja tal-Ingilterra dan is-sajf iżda ma lagħabx, għamel 17-il dehra għas-City fl-istaġun li għadda – erbgħa fil-Premier League – iżda kellu sehem kbir fir-rebħiet tagħhom fl-FA Cup u fil-League Cup.

MICKY VAN DE VEN – Id-difensur internazzjonali Olandiż, Micky van de Ven, 25 sena, jinsab viċin li jaqbel ma’ kuntratt ġdid ta’ ħames snin ma’ Tottenham Hotspur. Huwa kien ingħaqad magħhom mingħand Wolfsburg fl-2023 b’kuntratt ta’ sitt snin li kien fadallu sal-2029. Kien magħruf li l-player kien qed jikkonsidra l-futur tiegħu fit-tramuntana ta’ Londra qabel il-wasla tal-manager Ro­berto de Zerbi f’Marzu, bil-wasla tal-manager Taljan li għen li jżomm lil Spurs fil-Premier League, kienet kruċjali fid-deċiżjoni tiegħu.

MORGAN GIBBS-WHITE – Manchester United qed jaraw lill-midfielder ta’ Nottingham Forest u l-Ingilterra, Morgan Gibbs-White, 26 sena, bħala suċċessur potenzjali għall-captain Bruno Fernandes, 31 sena, jekk l-internaz­zjonali Portugiż jiddeċiedi li jitlaq minn Old Trafford.

DJED SPENCE – Liverpool m’għandhom l-ebda intenzjoni li jagħmlu trasferiment fis-sajf għad-difensur ta’ Tottenham u l-Ingilterra, Djed Spence, 25 sena, minkejja l-problemi riċenti ta’ injuries tagħhom.

JOSHUA ZIRKZEE – Juventus qed ifittxu li jakkwistaw lill-attakkant internazzjonali Olandiż, Joshua Zirkzee, 25 sena, b’self mingħajr obbligu ta’ xiri mingħand Manchester United.

KAUA ELIAS – Arsenal u Manchester United bagħtu osservaturi biex jaraw lill-attakkant Kaua Elias, 20 sena, jiskorja hat-trick f’logħba ta’ ħbiberija ta’ qabel l-istaġun għal Shakhtar Donetsk, filwaqt li Milan u Porto huma wkoll interessati fil-Brażiljan.

IBRAHIM MBAYE – Liverpool intensifikaw id-diskus­sjonijiet mar-rappreżentanti tal-winger ta’ Paris St-Germain u s-Senegal, Ibrahim Imbaye, 18-il sena, wara li ż-żagħżugħ għamilha ċara li jrid jitlaq liċ-champions Franċiżi.

MANOR SOLOMON – In-negozjati bejn West Ham u Tottenham dwar il-winger Iżraeljan, Manor Solomon, 27 sena, bħalissa huma wieqfa minħabba raġunijiet finan­zjarji, peress li l-Hammers mhumiex lesti li jaqblu mal-bonuses li Spurs ikunu jridu jekk jiżguraw ritorn fil-Premier League.

GABRIEL MARTINELLI – Galatasaray tat-Turkija żiedu lill-attakkant ta’ Arsenal u l-Brażil, Gabriel Martinelli, 25 sena, mal-lista mqassra tat-trasferimenti tagħhom.

GENY CATAMO – Sunderland jinsabu fil-pożizzjoni ewlenija biex jiffirmaw lill-winger tal-Mozambique, Geny Catamo, 25 sena, mingħand Sporting Lisbon, b’Aston Villa, Brentford u Everton fost il-clubs li għandhom għajnejhom fuqu.

LEAGUE CUP – F’logħba li saret nhar il-Ħamis filgħa­xija, Bristol City taċ-Championship sfaw megħluba 1-0 minn Walsall ta’ League Two.

IVAN TONEY – L-attakkant Ingliż, Ivan Toney, tressaq il-qorti akkużat li kkawża ħsara fiżika reali wara inċident li seħħ f’nightclub, f’Soho, fis-6 ta’ Diċembru li għadda.  Dan il-każ tal-attakkant ta’ 30 sena li jilgħab ma’ Al-Ahli u  li kien parti mill-iskwadra tal-Ingilterra fit-Tazza tad- Dinja, se jinstema’ fil‑Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster f’Settembru.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here