Minn hawn u ftit tal-jiem oħra se jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ. Dan il-Jum, filwaqt li jirrikonoxxi kif ħajjet iż-żgħażagħ hija msawra minn realtajiet lokali u nazzjonali differenti, l-aspirazzjonijiet tagħhom huma notevolment simili. Fil-pajjiżi u l-komunitajiet kważi kollha, iż-żgħażagħ ifittxu d-dinjità, l-opportunitajiet, il-parteċipazzjoni, xogħol diċenti, edukazzjoni ta’ kwalità u fuq kollox futur dejjem aqwa.
Il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ jiġi ċċelebrat ta’ kull sena fit-12 t’Awwissu bil-għan li l-kwistjonijiet li jolqtu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa jitpoġġew għall-attenzjoni tal-komunità internazzjonali filwaqt li jingħata għarfien lill-potenzjal taż-żgħażagħ bħala msieħba fis-soċjetà globali kontemporanja.
It-tema magħżula min-Nazzjonijiet Uniti għal din is-sena tagħti attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ li jgħixu fil-pajjiżi meqjusa tat-Tielet Dinja u stati gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw fost oħrajn, li spiss jaffaċċjaw sfidi li għandhom rabta ma’ xulxin, bħalma huma l-faqar, it-tibdil fil-klima, l-iżolament ġeografiku, opportunitajiet ekonomiċi limitati u aċċess inugwali għat-teknoloġija diġitali.
Madankollu, dawn iż-żgħażagħ xorta waħda qed jibqgħu juru reżiljenza u anke qed ikunu innovattivi fit-tmexxija ’l quddiem tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan il-komunitajiet tagħhom u lil hinn minnhom.
U dan kollu jixhed x’determinazzjoni kbira u qawwija għandhom iż-żgħażagħ, li kapaċi jkunu l-aġenti tal-bidla u jkunu huma stess li bl-ideat li jressqu ’l quddiem, itejbu s-soċjetajiet rispettivi li jgħixu fihom.
Fil-kuntest lokali wkoll, iż-żgħażagħ qegħdin jingħataw importanza kbira. L-involviment tagħhom huwa wieħed vast u saħansitra l-vuċi tagħhom qed tasal b’mod aktar ċar fil-kurituri tal-poter inkluż bil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ u bil-Youth Advisory Forum li kien ħoloq il-Prim Ministru sabiex il-vuċi żagħżugħa tasal fejn għandha tasal u b’iktar speditezza, tant li mhux darba jew tnejn rajna proposti mressqa minnhom jitwettqu fil-prattika, inkluż dawk fil-qasam ambjentali.
Madankollu, mingħajr ma nnaqqsu mill-importanza u l-validità ta’ pjattaformi bħal dawn, iż-żgħażagħ għandhom bżonn jitħarrġu f’aktar ħiliet għall-ħajja bħall-komunikazzjoni, il-ħsieb kritiku, il-ħidma f’tim u t-trawwim tal-fiduċja fihom infushom u l-kapaċità li jadattaw għat-tibdil.
Il-kisba ta’ aktar ħiliet, fid-dinja mgħaġġla li qed ngħixu fiha bl-avvanzi bla waqfien li qed iseħħu fil-qasam tat-teknoloġija, tibqa’ element kruċjali għaż-żgħażagħ sabiex filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijieet tagħhom jgħixu b’mod ta’ kwalità li jtihom sens ta’ ħajja aħjar.
Għalhekk, il-messaġġ għal dan il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ jibqa’ dak li huma għandhom jibqgħu jaħdmu u jistinkaw biex iwettqu l-ħolm tagħhom waqt li dan il-vjaġġ se jgħinhom ikabbru l-fiduċja fihom infushom għaliex wara kollox, iż-żgħażagħ tal-lum mhux biss huma protagonisti fil-preżent imma wkoll huma l-bennejja u l-mexxejja tas-soċjetà li għad trid tiġi.


