Minn nhar il-Ħadd li għadda sal-lum smajna ma nafx kemm-il ċifra u magħhom salt persentaġġi konnessi mar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali 2026. U allura ma nlumekx jekk tgħid li “ċifra oħra mingħand Frans jonqos issa!” imma nistqarr li għalija din iċ-ċifra, li qegħda sservi bħala titlu, għandha relevanza qawwija. Ta’ ċerta importanza. Nittama li jikkunsidraha wkoll b’dan il-mod il-Partit Laburista.
Imma ħalli ngħidlek mill-ewwel x’inhi ċ-ċifra 50,796. Dawk huma voti li s-Sibt, 30 ta’ Mejju 2026 intużaw mhux biex jeleġġu Gvern imma biex jibagħtu messaġġ. Nemmen li primarjament huwa messaġġ immirat lejn il-Partit Laburista.
Iċ-ċifra ta’ 50,796 hija komposta minn 44,703 vot li ma nġabrux u voti li ma ġewx ivvutati. Tħallew fil-kexxun. Magħhom 6,093 vot li għalkemm intużaw kienu invalidi. Maġġoranza assolutissima tagħhom ġew invalidati bi skop u mhux bi żball.
Jista’ jkun li minn 44,703 vot li ma ntużawx hemm minnhom li ma jinteressahomx minn min ikun iffurmat il-Gvern. Imma kemm jista’ jkun hemm minn dawn? Ma nafx. Wisq naħseb li l-maġġoranza assoluta tagħhom huma attwalment voti Laburisti. Voti ta’ protesta. U x’tip ta’ protesta? Ċertament li mhux fuq livell ta’ Gvern imma fuq livell personali.
Mhux lakemm tlum lil dak li jkun, għax kull individwu jħoss il-weġgħa tiegħu li għalih tkun tfisser ħafna. Aktar u aktar jekk l-inġustizzja miegħu tkun twettqet minn xi ħadd li suppost ikun tal-istess twemmin politiku. Tant li jgħidlek li lest jissawwat b’katina minn xi ħadd li politikament ma jemminx bħalu imma mhux lest jċċetta li xi ħadd tal-istess twemmin politiku jmisslu wiċċu imqar b’rixa. Il-weġgħa tiggrava jekk l-inġustizzja tkun twettqet minn xi ħadd ta’ twemmin politiku differenti imma li ġie aġevolat biex ingħata l-kariga li minnha jasal biex jabbuża.
Il-politiku jrid jifhem li l-kostitwent mhux qiegħed hemm biex issir tafu fl-aħħar xahar minn meta tissejjaħ elezzjoni. Biex fl-aħħar xahar timlielu l-kaxxa tal-ittri bil-leaflets u taħraqlu l-mobajl tistaqsih għandux bżonn xi ħaġa. Il-kostitwent jippretendi li l-kuntatt miegħu jkun regolari. Tul il-leġiżlatura kollha. Fl-istess ħin il-politiku jrid jara li ma jiddawwarx minn nies li d-dehra u l-fama tagħhom aktar tagħmel ħsara milli ġid. Minn dawn hawn mhux ftit jiġru mas-saqajn u ma’ djul Ministri.
Meta tara li 44,703 ruħ ma tefgħux il-vot tagħhom mhux ċajta. Niddejjaq min joqgħod jgħidli li mkien ma jivvota kulħadd. Mhux qed nippretendi li jkun hemm ‘turn out’ ta’ mija fil-mija. Kif jista’ jkun! Imma lanqas nippretendi diżinteress minn kważi 45,000 ruħ! Finalment dan huwa dover ċiviku.
Ħaġ’oħra fl-opinjoni tiegħi inkwetanti hija ċ-ċifra ta’ 6,093 vot invalidu. Prova ċara daqs il-kristall li dawk huma votanti urtati li marru jivvotaw biex ma joqogħdux iċemplulhom ma nafx kemm-il darba. Inpoġġi rasi taħt mannara li l-maġġoranza assolutissima tagħhom huma votanti ta’ tendenza Laburista. Laburisti imweġġħin. Laburisti trattati ħażin fuq il-postijiet tax-xogħol taghom primarjament f’dipartimenti tal-Gvern u Awtoritajiet. Ma rridx u ma tistax, u lanqas għandek, titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa, imma smajna jew le bi stejjer tal-waħx?
Meta tqis dak li twettaq minn Gvernijiet Laburisti mis-sena 2013 ‘il hawn lanqas biss kellek toħlomha li l-Partit Laburista jnaqqas mill-maġġoranza li kellu. Anke jekk qegħdin nitkellmu minn maġġoranza komda ta’ kważi 22,000 vot.
Nemmnu jew le li l-attitudni min-naħa tal-Customer Care mhux dejjem tkun dik ideali? Nemmnu jew le li l-kostitwent mhux l-ewwel darba twassal iħoss li hemm min ikun qed jgħaddih biż-żmien? Nemmnu jew le li dan jirrifletti ħażin fuq il-Ministru konċernat u eventwalment fuq il-Gvern?
Nemmnu jew le li jsirulna bsaten fir-roti f’dipartimenti governattivi b’mod sottili li jikkawżw tgergir? Nemmnu jew le li ‘l-iżbalji’ li jirriżultaw fil-konfront taċ-ċittadin mhux bilfors ikunu ‘żbalji’ ġenwini?
Sadanittant għandu jingħad ukoll li t-tragward tas-suċċess f’elezzjoni ġenerali ħa dimensjoni totalment differenti minn wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena 2013. Mir-rebħa fenomenali li kien għamel il-Partit Laburista allura mmexxi minn Joseph Muscat. Minn hemm beda l-kejl tas-suċċess b’eluf kbar ta’ voti. Minn hemm tlaqna bil-maġġoranzi ta’ bejn 30,000 u 40,000 vot.
Meta l-Partit N azzjonalista rebaħ l-elezzjoni b’maġġoranza ta’ madwar 13,000 vot lanqas naf kemm-il aġġettiv ingħatat dik il-maġġoranza! U llum bħala Laburisti bilkemm ma ngergrux minkejja li l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali tat-30 ta’ Mejju li għadda bi kważi 22,000 vot u rreġistra r-raba’ rebħa elettorai konsekuttiva. Rebħa storika li ebda partit politiku ieħor m’għamel fl-istorja ta’ pajjiżna.
Ma rridx ninħass li bħal donnu qed nipprova inċekken ir-rebħa Laburista. Xejn minn dan. Qed nipprova biss inġib għall-attenzjoni tal-Partit Laburista li minkejja rebħa elettorali daqstant sabiħa m’għandux jafda lħitu kif ġieb u laħaq mingħajr l-attenzjoni dovuta. M’għandux ikompli jdaħħal lifgħat f’ħobbu. Ingidem aktar minn darba u jidher li ma tgħallimx. M’għandux għal darb’oħra jaqa’ fl-iżball li ‘jabbuża’ mil-lealta’ tal-elettorat Laburista.
L-elettorat Laburista REĠA’ għal darb’oħra ta twissija. Sta għall-Partit Laburista li tali twissija jixtarrha.



