IL-BANK OF VALLETTA JIĊĊELEBRA TRAGWARD IMPORTANTI FIL-KARRIERA TAL-IMPJEGATI TIEGĦU
Il-Bank of Valletta dan l-aħħar ta ġieħ lil 376 impjegat li laħqu tragwardi importanti fil-karriera tagħhom waqt is-Serata Annwali għal Servizz Twil fil-Bank, fejn ġew iċċelebrati 5,200 sena ta’ servizz bejniethom.
Din iċ-ċerimonja, li ssir kull sena u hija fost l-aktar avvenimenti mistennija tal-Bank, tlaqqa’ flimkien kollegi minn madwar l-organizzazzjoni biex tirrikonoxxi l-impenn, il-lealtà u l-ħbiberiji li nbnew matul is-snin ta’ servizz.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena enfasizzat taħlita notevoli ta’ esperjenza u ġenerazzjonijiet ġodda ta’ talent. Filwaqt li erba’ impjegati ċċelebraw 40 sena mal-Bank u 83 oħra laħqu 30 sena jew aktar ta’ servizz, 165 kollega laħqu l-ewwel tragward tagħhom ta’ ħames snin. Dan jirrifletti organizzazzjoni li tkompli tevolvi filwaqt li tibqa’ msejsa sew fil-valuri tagħha.
Matul dawn l-aħħar sentejn, il-BOV kompla jilqa’ impjegati ġodda fi ħdanu. Madankollu, minkejja dinja tax-xogħol li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, mijiet ta’ impjegati għadhom jagħżlu li jibnu karriera fit-tul mal-akbar bank f’Malta.
Huwa u jindirizza lil dawk preżenti, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia qal li dan l-avveniment iservi bħala tfakkira importanti ta’ dak li hemm wara kull suċċess u kull tragward li jilħaq il-Bank. “Wara kull suċċess tal-BOV hemm in-nies tagħna, li ta’ kuljum jaqdu lill-klijenti, jappoġġjaw lil xulxin u jagħtu l-ħajja lill-Istrateġija tagħna. Dawn it-tragwardi jirriflettu l-kultura tagħna u l-karrieri li bnew ġenerazzjonijiet ta’ impjegati fi ħdan il-BOV. Fuq kollox, din hija turija ta’ ringrazzjament lill-kollegi tagħna u lill-familji tagħhom. Id-dedikazzjoni tagħhom sawret il-Bank li aħna llum.”
Iċ-Chief People & Culture Officer (Designate) Lawrence Schembri qal li huma l-istejjer wara dawn it-tragwardi li jagħmlu dan l-avveniment annwali tant sinifikanti. “Karriera tinbena jum wara l-ieħor. Kull tragward jirrifletti persuna li tgħallmet, addattat ruħha u tat il-kontribut tagħha. Meta ngħinu lin-nies tagħna jikbru u jirnexxu, inkunu qed nibnu l-ħiliet u l-kultura meħtieġa biex inwettqu l-Istrateġija tagħna.”
L-impjegati rikonoxxuti din is-sena laħqu tragwardi ta’ bejn ħames u erbgħin sena ta’ servizz u ġejjin minn timijiet differenti madwar il-Bank. Flimkien, huma jirrappreżentaw id-diversità fil-ħiliet, l-għarfien u d-dedikazzjoni li jkomplu jmexxu lill-BOV ’il quddiem.

Għalkemm iċ-ċifri huma impressjonanti, fl-aħħar mill-aħħar is-serata kienet dwar ir-rikonoxximent tan-nies warajhom. Huma l-kollegi li, matul is-snin ta’ servizz, impenn u kontribut tagħhom, għenu biex tissawwar l-istorja tal-Bank.
Hekk kif il-BOV ikompli jinvesti fin-nies, fit-teknoloġija u fit-tkabbir futur tiegħu, is-Serata Annwali għal Servizz Twil tibqa’ tfakkira qawwija li l-akbar saħħa tal-Bank huma l-istess impjegati li jagħżlu li jibnu l-karriera tagħhom fil-Bank.

