L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela saħaq li l-parlamenti għandhom jaħdmu aktar flimkien biex jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi tagħhom flimkien ma’ pajjiżi oħra. Huwa kien qed jieħu sehem fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Kunsill tal-Ewropa, li laqqgħet flimkien l-Ispeakers u Presidenti tal-Parlamenti mis-46 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Għall-konferenza attendew ukoll rappreżentanti ta’ pajjiżi sħab, pajjiżi bi status ta’ osservatur u pajjiżi ġirien, kif ukoll kapijiet ta’ Assemblej Interparlamentari.
Dwar l-ewwel tema, ‘Demokraziji Reżiljenti: Magħqudin Kontra t-Theddid Ibridu’, l-Ispeaker Abela spjega li huwa essenzjali li jkollok istituzzjonijiet b’saħħithom, ċittadini infurmati u ħidma bejn il-pajjiżi sabiex jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni, l-indħil minn barra u l-attakki ċibernetiċi. Saħaq ukoll li l-miżuri kontra dan it-theddid għandhom iħarsu anke l-libertajiet demokratiċi. Żied jgħid li għal pajjiżi żgħar bħal Malta, il-kooperazzjoni mal-imsieħba Ewropej hija partikolarment importanti.
Dwar it-tieni tema, ‘L-Intelliġenza Artifiċjali u s-Suq tax-Xogħol’, l-Ispeaker Abela qal li huwa importanti li l-parlamenti jfasslu politiki ċari dwar kif għandha tintuża l-intelliġenza artifiċjali (IA). Dawn għandhom jgħinu biex it-teknoloġija tiżviluppa, filwaqt li jipproteġu lill-ħaddiema u jħarsu d-drittijiet fundamentali. Għandhom jiżguraw ukoll li jkun ċar kif qed tintuża l-IA u li din tintuża b’mod responsabbli. Huwa semma kif l-IA tista’ tgħin biex ix-xogħol isir b’mod aktar produttiv u jinħolqu impjiegi ġodda, iżda saħaq li d-deċiżjonijiet dwar l-użu tagħha għandhom dejjem iqisu l-ħtiġijiet tan-nies.

It-tielet tema kienet ‘It-Tiġdid tal-Ordni Internazzjonali Bbażat fuq ir-Regoli: Ir-Rwol tal-Parlamenti fl-Indirizzar tal-Kriżijiet Kontemporanji u fir-Rispons Għalihom’. Dwar dan, l-Ispeaker Abela għamel enfasi fuq il-ħtieġa li tiġi mħarsa u msaħħa s-sistema internazzjonali fejn il-pajjiżi jimxu ma’ regoli komuni, speċjalment f’kuntest fejn it-tensjonijiet bejn il-pajjiżi, il-kunflitti u l-kriżijiet umanitarji qed jiżdiedu. Qal li l-parlamenti għandhom ir-responsabbiltà li jħarsu l-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem, u li jesiġu li l-gvernijiet jagħtu kont ta’ għemilhom. Saħaq ukoll li l-kuntatti u d-djalogu bejn il-parlamenti jistgħu jgħinu biex it-tilwim jissolva b’mod paċifiku.
L-Ispeaker Abela kellu wkoll laqgħat f’Palazzo Montecitorio ma’ Lorenzo Fontana, President tal-Kamra tad-Deputati Taljana; mal-Membru Parlamentari Taljan Ciro Maschio, President tal-Kumitat dwar il-Ġustizzja tal-Kamra tad-Deputati Taljana; mal-Membru Parlamentari Giulio Tremonti, President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin tal-istess Kamra tad-Deputati; u ma’ Shalva Papuashvili, Speaker tal-Parlament tal-Georgia.
Huwa ltaqa’ wkoll mas-Sur Abdulaziz Al Asim, Kap tad-Dipartiment Politiku fl-Ambaxxata tar-Renju tal-Arabja Sawdija f’Ruma. Barra minn hekk, kellu wkoll laqgħa mal-Kardinal Mario Grech.
L-Ispeaker Abela kien akkumpanjat minn Daniel Azzopardi, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja, u minn żewġ membri oħra tad-delegazzjoni.

