Thursday, December 26, 2024

5,270 anzjan jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare

Aqra wkoll

5,270 anzjan u anzjana bħalissa qegħdin jagħmlu użu mis-servizz tat-Telecare. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt li kien qiegħed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.

77 persuna għandhom 60 sena jew inqas u dawn huma eleġibbli għal dan is-servizz f’każ li jkunu jbatu minn mard kroniku. Imbgħad hemm 324 anzjan u anzjana li jagħmlu użu minn dan is-servizz li għandhom bejn 60 u 69 sena filwaqt li 1,717 anzjan u anzjana għandhom bejn 70 u 79 sena li qegħdin jagħmlu użu mis-servizz ta’ Telecare.

L-akbar ammont huwa fost dawk l-anzjani li għandhom bejn 80 sena ‘l fuq fejn bħalissa hemm 3,152.

Intant il-Ministru qal ukoll fil-Parlament li l-anzjani jħallsu €4 fix-xahar biex ikollhom is-servizz tat-Telecare.

Il-Ministru Abela qal fil-Parlament li l-anzjani li għandhom il-Karta r-Roża maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, jew il-Karta s-Safra maħruġa mil-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva li turi li l-persuna għandha d-dijabete, jew għandhom ’il fuq minn 80 sena, jieħdu s-servizz bla ħlas.

“L-anzjani ma jħallsu l-ebda ħlasijiet relatati mal-manutenzjoni u riparazzjoni tal-apparat, sakemm ma jinstabx li l-ħsara tkun ikkawżata b’negliġenza,” temm jgħid il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela

Ekonomija

Sport