Kien eżatt fl-14 ta’ Ġunju tal-1971 meta l-Partit Laburista kien rebeħ l-ewwel elezzjoni ġenerali wara l-interdett u anke wara l-indipendenza.
Din kienet l-ewwel elezzjoni ġenerali fejn il-Partit Laburista ma kienx qed iħabbat wiċċu ma’ ostakli kbar fosthom kundanni ta’ dnub il-mejjet u l-interdetti.
Dakinhar il-Partit Laburista kien ħareġ diversi proposti fil-manifest “Malta Maltija fil-Paċi u l-Progress,” filwaqt li kien organizza diversi laqgħat tal-massa.
F’dik il-kampanja elettorali l-għajta tal-Laburisti kienet “Malta Marida – Mediċina Mintoff”. Bil-Partit Laburista kien imħejji sew għal din l-elezzjoni, kellu għajnuna mill-Partit Soċjal Demokratiku Ġermaniż, immexxi minn Willy Brandt.
F’dik l-elezzjoni, l-ewwel waħda li kienet saret mingħajr indħil fosthom ill-Knisja, il-Partit Laburista kiseb maġġoranza ta’ 4,800 vot fuq il-Partit Nazzjonalista. Bil-Partit Laburista żied kważi 25,000 vot fuq l-elezzjoni ta’ ħames snin qabel.
Fost id-deċiżjonijiet li ħa l-Prim Ministru Mintoff kien hemm dik li Maurice Dorman ma baqax iktar Gvernatur Ġenerali u minfloku nħatar għall-ewwel darba Gvernatur Malti, Anthony Mamo.
Il-Perit Mintoff f’din il-leġiżlatura kien keċċa l-Kap tal-Forzi tan-NATO mill-Mediterran bil-konsegwenza li din l-alleanza kienu mexxew il-kwartieri tagħha minn pajjiżna għal Napli. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, il-Gvern ħabbar li ma kinux se jidħlu iktar bastimenti Amerikani f’pajjiżna.
Fost l-ewwel prijoritajiet li kien semma l-Prim Ministru Dominku Mintoff kienet dik li pajjiżna jkollu ftehim ġdid mal-Gvern Ingliż, differenti minn dak li kien intlaħaq fl-1964.
Dan il-ftehim kien ġie ffirmat f’Marzu tal-1972. Permezz tal-ftehim, il-bażi militari Ingliża f’Malta kellha tagħlaq darba għal dejjem fil-31 ta’ Marzu tal-1979 u f’termini tal-lum fuq il-perjodu ta’ seba’ snin li dam fis-seħħ, Malta ħadet kważi biljun ewro u nofs.



