Ġuvni ta’ 17-il sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti minħabba li għadu taħt l-età ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat bil-pussess u t-traffikar tad-droga kokajina u eroina.
Quddiem il-Maġistrat Maġistrat Donatella Frendo Dimech il-Prosekuzzjoni spjegat li fuq l-akkużat il-pulizija sabet 53 pakkett kokaina, 11-il pakkett eroina, 3 pakketti kannabis sintetika u $€300.
Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u d-difiża talbet il-libertà proviżorja.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba biża tal-intralċ tal-provi u minħabba li fadal terzi jixhdu.
Dwar il-każ il-Prosekuzzjoni spjegat li nhar s-Sibt li għadda l-pulizija kienu qed josservaw iż-żona ta’ quddiem il-bandli ta’ Ħal Għaxaq wara li x-xahar li għadda sar arrest fl-istess bandli ta’ persuna ta’ 21 sena li kellu fuqu sustanzi illeċti.
Intqal li l-akkużat ġie innutat għaddej fuq scooter elettrika u kien għaddej b’movimenti suspettużi li għall-pulizija kienu juru movimenti ta’ traffikar tad-droga.
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħid li mal-akkużat kien hemm żewġ persuni oħra li laħqu ħarbu minn fuq il-post waqt li l-Pulizija kienu qed jarrestaw lil-akkużat. Il-prosekuzzjoni semmiet ukoll każ ieħor li kellu l-akkużat li qalet f’età tenera ftit ġimgħat ilu xellef difrejh mal-ġustizzja.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li dak il-każ kien dwar li sar mingħajr liċenzja tal-pulizija, u għalhekk mhux marbut mad-droga.
Id-Difiża qalet li meta jiġu trattai każijiet ta’ minuri, hu iktar importanti li tingħata l-libertà proviżorja.
Wara li semgħet liż-żewħ naħat il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u irrakomandat lid-direttur tal-ħabs jassigura li l-minuri ma jitħalliex mal-bqija tal-ħabsin adulti u jinżamm fil-parti tal-faċilità jew istituzzjoni oħra fejn tiġi mħarsa l-età tiegħu u minn issa jibda jibbenefika minn kwalunkwe għajnuna li jista’ jeħtieġ għar-riabilitazzjoni tiegħu. Il-qorti ordnat ukoll qbid u iffriżar tal-assi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur John Leigh Howard flimkien mal-Avukat Valentina Cassar mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Id-difiża tmexxiet mill-avukat Alex Scerri Herrera.



