Thursday, March 28, 2024

600 investitur f’pajjiżna għall-festival tal-igaming globali SIGMA

Għall-ewwel darba, fl-istess fiera jissieħbu l-investituri interessati fil-blockchain u l-intelliġenza artifiċjali

Aqra wkoll

Il-Festival Sigma Europe 2021 jilqa’ rekord ta’ 600 investitur f’pajjiżna. Għas-seba’ sena eżekuttiva, dan il-Festival li llum sar wieħed mill-akbar fieri tal-igaming minn madwar id-dinja, reġa’ għażel il-pajjiżna minn madwar l-Ewropa biex jesebixxi l-aqwa talent fis-settur. Iżda mhux biss, għall-ewwel darba, magħhom qed jingħaqdu l-esebituri u investituturi interessati f’Malta fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain.

Dan hekk kif, fl-istess fiera imtella’ fuq tliet ijiem, qed tittella’ wkoll dik tal-AIBC, li tiġbor flimkien investituri u individwi mis-setturi tal-intelliġenza artifiċjali, blockchain, internet of things, quantum tech, u teknoloġiji emerġenti, setturi diġitali li flimkien qegħdin jiddiskutu u jsawru l-futur tal-ekonomiji u l-industrija li jmiss, fuq livell globali.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri inawgura l-ftuħ ta’ din il-fiera li qed tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali u indirizza konferenza dwar ir-regolament u l-konformità. Fi kliem il-Ministru Schembri: “Fuq l-aspett ekonomiku qegħdin naraw l-implimentazzjoni ta’ diversi strateġiji li nedejna tliet snin ilu, fejn jidħol l-igaming, videogame development, esports, immersive technology, crypto, fost l-oħrajn”. Żied jgħid li issa li l-attività reġgħet qabdet ritmu tajjeb, kemm bħala Gvern u bħala Ministeru ser jagħtu impetus ġdid biex Malta tara l-ekonomija tagħha iddiversifikata. Fl-istess waqt jitkompla t-tisħiħ ta’ opportunitajiet f’niċeċ ekonomiċi innovattivi u diġitali li tant saret ħidma fuqhom f’dawn l-aħħar erba snin.

Huwa għamel referenza lejn ix-xogħol li dan is-settur qed joħloq. Kif irrappurtat dan l-aħħar mill-portal tal-aħbarijiet SIGMA, fi stħarriġ li sar minn Boston Link, fl-ewwel kwart tal-2021, in-numru ta’ impjiegi ġodda li inħolqu kien diġà ogħla minn dak ta’ qabel il-COVID-19. Fil-fatt, f’Malta stess fl-aħħar ġimgħat, tħabbru 250 impjieg ġdid fis-settur tal-igaming waħdu u fis-settur tal-esports tħabbar li sas-sena 2030 dan irid jilħaq mal-2,500 ħolqien ta’ xogħol.

Huwa kkonkluda billi qal li “f’atmosfera li qed turi biċ-ċar li bil-prekawzjonijiet pajjiżna qed jirritorna għall-ħajja normali ta’ qabel il-COVID, wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lill’hinn. L-attivita’ ta’ suċċess tas-Sigma, hija xhieda ta’ dan”.

Ic-COO ta’ Gaming Malta, is-Sur Ivan Filletti, qal li festival bħal tas-Sigma li qed jgħaqqad esebituri internazzjonali kemm mill-igaming u mill-blockchain f’konferenza waħda, qed juri kif Malta verament hija ‘The Home of Gaming Excellence”. Rigard rispons mill-investituri, huwa qal li dan kien wieħed eċċellenti. “Ottimisti ħafna. Hawn ħafna investituri ġodda li qed iħarsu lejn Malta. Dan għaliex Malta għandha ekosistema b’saħħitha. Hawn issib kemm konsulenti esperti, framework legali, talent b’saħħtu u edukazzjoni ta’ livell għoli. Dan kollu jagħmel l-ekonsistema tagħna bħala waħda interessanti għall-investituri”.

Il-Fundatur ta’ Sigma Group is-Sur Eman Pulis qal li “In-nies kienu ħerqana biex jiġu Malta u ġew bl-eluf. Ksirna kull rekord illi qatt kellna ġewwa SIGMA. Ottimist ħafna mill-feedback li qed nieħu mid-delegati u l-esebituri kollha. Malta, dejjem tat prova ta’ x’issarraf. Malta hija pajjiż żgħir u tadatta għax-xejriet ferm aktar malajr minn pajjiżi kbar oħra illi jieħdu ħafna iżjed żmien biex jadattaw”.

Ekonomija

Sport