Monday, May 13, 2024

90% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew implimentati

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġew implimentati 90% tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Awditur Ġenerali. Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda pubblikazzjoni bi tweġiba għar-rapport annwali tal-NAO dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2019 u rapporti oħra maħruġa s-sena li għaddiet.

Is-Sur Cutajar spjega li minn 331 rakkomandazzjoni tal-Awditur Ġenerali, intlaqgħu b’kollox 319. Minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-amministrazzjoni pubblika ħarġet 714-il azzjoni, fejn 643 minnhom kienu implimentati b’mod sħiħ sal-aħħar ta’ Settembru tal-2021 u 71 kienu għadhom pendenti.

Minkejja l-isfidi kollha, inkluż tal-pandemija, l-evidenza turi li l-amministrazzjoni pubblika rnexxielha b’suċċess timplimenta 90% tal-azzjonijiet li fasslet sabiex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport tal-Awditur Ġenerali. 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega li r-rakkomandazzjonijiet milqugħa jikkonċernaw l-aktar fejn jidħlu l-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi, nuqqasijiet relatati max-xiri pubbliku u ż-żamma ta’ inventarji. 

Huwa semma wkoll li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) jinnota prattiċi tajbin fejn kien qed jawditja, fosthom il-European Health Scheme li tiġi amministrata mill-Isptar Mater Dei u anke ġie ddikjarat li kien hemm prattiċi tajbin mid-Dipartiment tal-Veterinarji.

“Dan l-eżerċizzju li qed nagħmlu mhux eżerċizzju li jimmira li toħroġ pubblikazzjoni. Il-pubblikazzjoni qiegħda hemm bħala miżura ta’ kontabilità. Imma l-eżerċizzju fih innifsu li jwassal għal din il-pubblikazzjoni huwa l-għan ewlieni li jwassal biex l-affarijiet isiru parti mir-rutina u mingħajr żball u ikollna dikjarazzjonijiet ta’ prattiċi tajbin. Il-kontabilità ma tfissirx biss il-pubblikazzjonijiet u l-proċessi imma wkoll li hemm taħriġ,” tenna jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni. 

“Illum il-ġurnata, permezz tal-Istitut tas-Servizzi Pubbliċi qed ikun hemm korsijiet apposta, uħud minnhom mandatorji kemm biex wieħed isib postu jew ikun eleġibbli biex japplika għal Kap ta’ Dipartiment li hemm kontenut ġo fih fejn tiġi ttestjatat l-integrità tal-persuna.

“Apparti hekk, mistenni joħroġ ukoll avviż legali li jemenda l-Public Administration Act biex jindika dawk il-gradi li min jokkupahom irid jgħaddi mill-integrity testing.

“Dan kollu jfisser eżerċizzji ta’ kredibilità u kontabilità, tal-mod ġdid kif jaħdem is-Servizz Pubbliku li mhumiex pubblikazzjonijiet imma ħidma normali jwettaq kuljum is-Servizz Pubbliku,” temm jgħid is-Sur Cutajar.

Sport