Friday, December 27, 2024

ABBOZZ LI JIPPROVDI GĦAT-TWAQQIF TA’ AĠENZIJA DDEDIKATA GĦALL-INTERMEDJARJI TAL-PROPRJETÀ

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament beda jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li se jwassal għat-twaqqif ta’ Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà. Din l-aġenzija se tkun responsabbli biex tinforza r-regolamenti, tissorvelja l-konformità u tindirizza kwalunkwe kondotta ħażin jew imġiba mhux etika fl-industrija.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard enfasizza li dan l-abbozz huwa wieħed mistenni għaliex se jkun qiegħed jippromwovi l-fiduċja, l-istabbilità u l-integrità fis-suq tal-proprjetà. Huwa sostna li t-twaqqif ta’ aġenzija regolatorja ddedikata għall-intermedjarji tal-proprjetà se tgħin biex tissimplifika u tiċċentralizza s-sorveljanza tas-suq tal-proprjetà.

Il-Ministru Attard żied jispjega li l-abbozz jintroduċi qafas regolatorju ġdid għall-intermedjarji tal-proprjetà, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-xerrejja prospettivi, jippromwovi t-trasparenza, u jiżgura kompetizzjoni ġusta fis-suq. Dan il-qafas se jgħin biex jiġu stabbiliti regoli u standards ċari li għandhom isegwu l-operaturi.

Huwa semma wkoll kif bit-trasferiment tal-funzjonijiet tal-Bord tal-Liċenzji lill-Aġenzija dwar is-Suq tal-Proprjetà, l-abbozz qed jiżgura kontinwità u konsistenza fis-sorveljanza regolatorja. Fl-istess waqt, l-abbozz għandu l-għan li jsaħħa ir-regolamentazzjoni tal-intermedjarji tal-proprjetà, inkluż aġenti, sensara u konsulenti.

Dan jinkludi miżuri biex jitjiebu r-rekwiżiti tal-liċenzjar, tiżdied it-trasparenza fit-tranżazzjonijiet, u tirrisponsabbilizza l-operaturi biex tkun evitata kondotta ħażina.

“B’mod ġenerali, dan l-abbozz huwa importanti għall-immodernizzar u t-titjib tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-proprjetà, biex jiġi żgurat li s-sidien prospettivi jkunu protetti, l-operaturi jinżammu responsabbli, u s-suq jopera b’mod aktar ġust u effiċjenti,” tenna l-Ministru Attard.

Huwa rrikonoxxa wkoll li kien ilu jinħass il-bżonn li dan is-settur mill-aktar importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna jkollu liġi li tirregolah u tara li kull min imiss miegħu jkollu serħan il-moħħ. Barra minn hekk, kien hemm obbligi internazzjonali li riedu jaraw li jiġu indirizzati.

Sadanittant, il-Ministru Attard qal li l-abbozz ta’ liġi jipprovdi li jiġu imposti biss sanzjonijiet amministrattivi fuq kull persuna li taġixxi bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att. Qal li sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, kull persuna li taġixxi bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att propost, jew ta’ kull regolament magħmul taħtu, tkun responsabbli għall-ħlas ta’ penali amministrattiva ta’ mhux aktar minn għoxrin elf euro (€20,000). Il-proċedura tagħti lid-debitur (awtur) proċedura ta’ kontestazzjoni adegwata li tiġi riveduta mit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva b’appell lill-Qrati ordinarji.

Il-Ministru Attard temm jappella biex ikun hemm appoġġ għal dan l-Abbozz ta’ Liġi, li għandu l-għan li jistabbilixxi l-Aġenzija tas-Suq tal-Proprjetà bħala korp regolatorju għall-intermedjarji tal-proprjetà f’qafas ġdid. “Ejjew naħdmu flimkien biex niżguraw l-effettività u l-integrità tas-suq tal-proprjetà tagħna għall-benefiċċju tal-partijiet interessati kollha.”

Ekonomija

Sport