Thursday, April 18, 2024

Aġġornat: Ħames żgħażagħ jinżammu arrestati mixlija li ħatfu raġel f’vann

Aqra wkoll

Ħames żgħażagħ inżammu arrestati wara li llejla tressqu l-Qorti b’urġenza b’rabta ma’ każ li seħħ il-Ġimgħa li għadda fir-Rabat.

L-akkużati, li huma kollha Maltin u li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 u t-28 sena ġew akkużati fost oħrajn li serqulu l-mobile, €1,000 fi flus kontanti u mazz ċwievet. Intqal kif erbgħa mill-akkużati huma wkoll riċedivi.

Il-ħames żgħażagħ mixlija b’dawn l-akkużi huma: Christian Borg ta’ 28 sena mis-Swieqi li jaħdem bħala direttur ta’ kumpanija tal-karozzi tal-kiri, Thorne Mangion ta’ 27 sena minn Ħal Qormi li jaħdem bħala manager f’showroom, Tyson Grech ta’ 26 sena mill-Isla li jaħdem għal rasu, Burton Azzopardi ta’ 20 sena Bormla li jaħdem ma’ kumpanija tal-karozzi u Jeremy Borg ta’ 20 sena minn Ħal Qormi li jaħdem bħala plumber u electrician.

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel inħataf minn quddiem il-garaxx tiegħu li jinsab fi Triq it-Tabija, ir-Rabat. Ġie spjegat li l-Pulizija mbagħad arrestat lil dawn iż-żgħażagħ hekk kif ikkonfermat ir-rapport tal-vittma permezz tal-kameras tas-sigurtà.

Intqal kif kien nhar il-Ġimgħa meta l-Pulizija tar-Rabat irċeviet ir-rapport tal-vittma fejn qal li kien inħataf minn dawn iż-żgħażagħ u b’hekk bdiet l-investigazzjoni.

Il-Pulizija arrestat sitt persuni u saru wkoll tfittxijiet, filwaqt li l-allegat vittma identifika n-nies.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-għada s-Sibt,  fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid daħal ukoll rapport ta’ serq ta’ karrozzi.

Fil-Qorti d-Difiża staqsiet jekk l-għada li seħħ l-inċident kienx daħal rapport kontra l-vittma dwar is-serq ta’ karozzi. Hawnhekk il-Prosekuzzjoni semmiet kif il-vittma allegatament seraq xi sitt karozzi mill-akkużati u kien jaħdem għal wieħed minnhom. Hawnhekk il-Pulizja qalet li mhux teskludi li tressaq il-vittma fuq dawn l-akkużi. 

L-Avukati staqsew ukoll dwar il-mod kif ġew arrestati l-imputati sabiex jaraw jekk l-arrest tal-imputati huwiex wieħed validu. Fil-fatt l-Avukati bdew iqajmu dubju dwar l-arrrest ta’ wħud mill-imputati, b’erbgħa miż-żgħażagħ jikkontestaw l-arrest.

Fl-argumenti tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużati ġew arrestati għax kien hemm suspett raġonevoli ta’ reat kriminali. 

Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine kkonfermat li l-arresti kollha huma validi.

Il-ħames żgħażagħ wieġbu mhux ħatja għall-akkużi, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tagħhom. Din it-talba ġiet oġġezzjonata bil-qawwa mill-Prosekuzzjoni minħabba li l-akkużi huma serji u għax l-akkużati ma jistgħux jiġu fdati peress li huma riċedivi. Hija wkoll semmiet il-fatt li l-vittma għad irid jixhed u hemm ukoll xhieda pajżana li jridu jixhdu.

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest tal-imputati kollha minħabba l-fatt li m’hemmx is-serħan il-moħħ li ma jistgħux iwettqu reat ieħor u b’hekk baqgħu jinżammu arrestati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Karl Muscat u Francesca Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Roderick Attard u Sarah Kathleen Zerafa.

Ekonomija

Sport