Roderick Tanti ta’ 55 sena residenti San Ġwann u mara ta’ 25 sena residenti Buġibba tressqu l-Qorti mixlija bi traffikar u pussess ta’ droga kif ukoll b’ħasil ta’ flus.
Huma kienu arrestati t-Tlieta filgħodu b’rabta ma’ sejba ta’ 4 kilo droga suspettata kokaina u kannabis. Il-Pulizija kienu ċċirkondaw lir-raġel ta’ 55 sena waqt li kien dieħel f’appartament f’Buġibba.
Fil-pussess tiegħu kellu kaxxa u fiha kien hemm madwar kilo droga suspettata kokaina b’valur fit-triq li jaqbeż il-€130,000. Waqt aktar tfittxijiet fir-residenza tar-raġel instabu 300 gramma oħra droga suspettata kannabis.
Intant, fl-appartament fejn tirrisjedi t-tfajla nstabu madwar tliet kilo suspettati raża tal-kannabis b’valur ta’ madwar €60,000.
Iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom, bir-raġel jinżamm taħt arrest filwaqt li l-mara ngħatat il-ħelsien b’diversi kundizzjonijiet.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Mercieca mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi u l-Ispetturi mis-Sezzjoni ta’ Kontra l-Ħasil tal-flus Christopher Ellul u Leanne Bonello.